Għawdex Lokali

Triq l-Imġarr tkompli tħalli aktar vittmi

Raġel ta’ 42 sena mix-Xagħra, Għawdex kellu jittieħed l-isptar Ġenerali t’Għawdex wara li dalgħodu għal ħabta tas-5.45am kien involut f’ħabta fi Triq l-Imġarr, Għajnsielem.

Din it-triq saret kalamita tal-inċidenti, partikolarment għas-sewwieqa tal-muturi, hekk kif fl-aħħar xhur biss kien hemm numru ta’ inċidenti li ħallew diversi persuni midruba.

F’Mejju, inċident bejn żewġ karozzi u mutur, ħalla lil passiġġier fuq il-mutur bi ġrieħi filwaqt li xahar qabel raġel ta’ 35 sena mix-Xewkija kellu jittieħed l-isptar t’Għawdex wara li kien involut f’inċident bil-mutur fl-istess triq. Hu instab li qed isofri minn ġrieħi gravi.

F’Jannar Taljan ta’ 36 sena wkoll spiċċa l-isptar wara li kellu inċident fl-istess post, ukoll bil-mutur.

Fl-inċident li seħħ illum, ir-raġel li ttieħed l-isptar kien qed isuq mutur tat-tip Honda meta kien involut f’ħabta ma’ karozza Renault misjuqa minn mara ta’ 67 sena minn Għajnsielem stess.