Ambjent Lokali

“Determinati li nwasslu t-tama; li nagħtu prijorità lill-ambjent” – Adrian Delia

Il-PN jinsab determinat li jwassal it-tama u li jġib il-bidla meħtieġa f'pajjiżna

“Din hi Malta tiegħi, għal din Malta tagħna, il-Partit Nazzjonalista għandu aġenda ekoloġika-ambjentali, fejn tingħata prijorità, flimkien mas-sostenibbiltà u l-kwalità tal-ħajja”.

Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista u tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, f’artiklu fuq it-Times of Malta hekk kif qal li ftit jiem ilu, il-Kamra tal-Psikologi ta’ Malta u l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Ħaddiema Soċjali kkwotaw riċerka xjentifika li tafferma l-effett vitalizzanti tan-natura fuq in-nies f’termini ta’ saħħa fiżika, mentali u l-benesseri soċjali.

Sostna li s-sejbiet ta’ riċerka bħal dawn qegħdin jiġu mtennija minn numru dejjem jikber ta’ attivisti u residenti li huma diżillużi bid-deċiżjonijiet ta’ politika li qed tqatta’ mijiet ta’ siġar.

Adrian Delia qal li l-protesta reċenti f’Ħ’Attard kienet eżempju sabiħ ta’ kif in-nies jixtiequ jagħmlu l-parti tagħhom biex jissalvagwardjaw l-ambjent ta’ Malta. Huma spontanjament esprimew ir-rabja tagħhom kontra t-tifqigħ ta’ 500 siġra u t-telf ta’ 49,000 metru kwadru ta’ art agrikola għal proġett li ma kkunsidrax alternattivi sostenibbli.

Huwa qal li meta n-nies jieħdu tali azzjoni mingħajr id-diktat politku, jniżżel t-tama dwar tħassib dejjem jikber għall-ambjent, li jipprovdi aspetti essenzjali tal-wirt nazzjonali tagħna u tal-ġid komuni.

Il-Kap tal-PN qal li stħarriġ dwar il-valur soċjali-xjentifiku juri li t-tħassib ambjentali huwa kwistjoni ewlenija, kwistjoni li lkoll kemm aħna nesperjenzaw, kemm jekk permezz ta’ mard respiratorju, tniġġis, tibdil fil-klima jew kontribuzzjoni waħda għal ħajja aħjar.

Adrian Delia sostna li l-Partit Nazzjonalista huwa determinat li jġib tama li twassal il-bidla għall-aħjar. Jemmen li l-poplu Malti jaf jaddotta metodi li jħarsu l-ambjent, li t-tfal u ż-żgħażagħ Maltin konxji li l-ambjent huwa tagħhom u li jridu jsalvawh u jiġġieldu għalih. Huwa qal li jemmen li s-soċjetà Maltija in ġenerali u s-soċjetà ċivili b’mod partikolari jinsabu passi aktar ‘il quddiem mill-politiku ta’ Malta fejn jidħol l-ambjent.

“Qed nisimgħu b’mod attiv lin-nies ta’ rieda tajba: esperti, attivisti u residenti”.

Biżżejjed ngħidu li l-gvern nieqes minn strateġija għal ekonomija ċirkolari u li l-ekonomija ekoloġika mhix qed tingħata biżżejjed importanza, kemm jekk permezz tat-trasport sostenibbli, impjiegi ekoloġiċi, infurzar jew użu enerġija rinnovabbli. Kompla li Malta sfortunatament, tinsab imtappna b’dan mal-Ewropa, minkejja l-wegħdiet mill-gvern li nkunu minn tal-ewwel biex negħlbu dawn l-isfidi.

Huwa qal li bħala Oppożizzjoni pożittiva u kostruttiva qed tinbena strateġija ekoloġika sostenibbli bbażata fuq l-evidenza – “aħna qed nisimgħu b’mod attiv lin-nies ta’ rieda tajba: esperti, attivisti u residenti”.

Mill-ġdid Adrian Delia qal li l-Partit Nazzjonalista mill-Oppożizzjoni lest li jgħin biex jitħares il-ġid komuni, u wara kollox jinsab determinat li jiżgura s-sostenibbiltà u li jġib il-bidla meħtieġa.