Kompliet it-traġedja ambjentali li qed titwettaq fil-lokalità ta’ Santa Luċija.
Net News illum mar fuq il-post fejn numru kbir ta’ siġar spiċċaw maqtugħa u mqaċċta mill-art sabiex jieħu posthom it-tħaffir, konkrit u asfalt b’rabta ma’ proġett infrastrutturali. Din ix-xena qed titqies bħala l-ipokrezija tal-Gvern Laburista fejn lura fl-2013 kien wiegħed li l-ambjent kellu jkun prijorità.
Diversi persuni fuq il-midja soċjali komplew juru d-dieqa tagħhom lejn din id-distruzzjoni sfrenata – fejn uħud bir-raġun saħqu li mhux biss aħna ċ-ċittadini qed niġu mċaħda mill-ambjent li jixirqilna, iżda ankè l-ħlejjaq l-ohra ta’ madwarna li kienu jsibu kenn f’dawn is-siġar. Oħrajn esprimew li f’pajjiżna qed naslu f’punt fejn biex uliedna jgawdu n-natura u l-arja safja ‘il bogħod mit-trabijiet u tniġġis ser ikunu kostretti jivjaġġaw barra minn xtutna.
Ta’ min wieħed jinnota li parti kbira minn masġar li sa tlett snin ilu ġie mneiedi mill-Gvern Laburista bħala jogging track, ser jintilef darba għal dejjem. Għaldaqstant bosta siġar maturi nqerdu għal kollox minħabba l-fatt li ladarba jinqalgħu mill-art dawn ma jgħixux.
Fid-dawl ta’ dan kollu l-ġurnalisti u dawk kollha li huma attivi kontra din il-qerda qed jispiċċaw mhedda jew aggrediti.
Sadanittant il-Kumitat Sezzjonali PN ta’ Santa Luċija kkundanna l-aġir arroganti tal-Gvern Laburista u appella lil Ministru Ian Borg sabiex jerġa’ jirrevedi l-pjanijiet oriġinali.