Lokali

Għaż-żieda qawwija tal-popolazzjoni se jispiċċaw ibatu s-sewwieqa – Toni Bezzina

Il-Gvern għandu jinvesti minnufih fi trasport tal-massa li verament jaqdi l-ħtiġijiet tan-nies

Meta l-Gvern qed jippersisti li jkabbar l-ekonomija bil-popolazzjoni, tant li skont l-aħħar statistika Ewropea kellna l-akbar żieda fil-popolazzjoni fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea, rapporti fil-midja qegħdin jindikaw li l-Gvern jaf jibda jikkunsidra miżuri drastiċi biex inaqqas l-użu tal-vetturi privati fit-toroq.

Dan saħqu l-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar it-Trasport u l-Infrastruttura Toni Bezzina hekk kif spjega li dan kollu jfisser li se jispiċċaw ibatu s-sewwieqa għad-deċiżjoni tal-Gvern li jibqa’ jġib eluf ta’ barranin kull sena peress li bosta qed ikollhom jirrikorru għall-użu tal-karozza privata tagħhom biex jaslu minn post għal ieħor għax m’għandhomx fiduċja fit-trasport pubbliku.

Il-popolazzjoni f’pajjiżna diġà qed tlaħħaq kważi nofs miljun, fejn 1 minn kull 7 f’Malta huwa barrani. Din ir-rata hija d-doppju tar-rata Ewropea. L-istatistika turi li sal-aħħar ta’ Ġunju, n-numru tal-vetturi liċenzjati kien jammonta għal 391,914 jew żieda ta’ 3.3% fuq l-istess perjodu tas-sena ta’ qabel.

Toni Bezzina saħaq li quddiem dan ix-xenarju, studji li qed jaslu għand il-Gvern qed jissuġġerixxu li flok isir investiment b’saħħtu fi trasport alternattiv tal-massa, jittieħdu l-liċenzji tas-sewqan jew isir limitu fuq l-ammont tal-karozzi fit-toroq.

Huwa saħaq li għall-politika tal-Gvern li jkabbar il-popolazzjoni u quddiem il-kollass fis-sistema tat-trasport pubbliku, se jkollhom jagħmlu tajjeb is-sewwieqa Maltin u Għadwxin. Huwa ċar li ż-żieda fl-ammont ta’ karozzi privati ġodda jfisser li n-nies mhumiex moqdija bit-trasport pubbliku u qegħdin jispiċċaw jirrikorru għall-użu tal-karozzi privati u dan minkejja li qegħdin inħallsu €30 miljun fis-sena f’sussidji.

Finalment Toni Bezzina spjega li ż-żieda fil-karozzi privati tfisser ukoll li m’hawn alternattiva effiċjenti u għalhekk l-Oppożizzjoni ilha ssostni li l-Gvern għandu jinvesti f’sistema tat-trasport tal-massa li tkun waħda effiċjenti, puntwali u effettiva kif ukoll eco-friendly li tħares l-ambjent.

Dan biex in-nies ma jkollhomx għalfejn jibqgħu iduru għall-karozzi privati biex jiċċaqilqu minn post għall-ieħor.