Is-Sibt filgħodu l-Birgu qamet f’ċelebrazzjoni għal qaddis patrun tagħhom San Lawrenz; festa li tfakkar dak kollu li għamel dan il-qaddis matul ħajtu f’diversi pajjiżi.
Iżda għal din is-sena, il-Ġirbin ingħataw aħbar mill-isbaħ mill-Arċipriet tagħhom Dun Karm Busuttil hekk kif ħabbar li llum fetaħ il-festi tal-200 sena mindu l-Knisja ta’ San Lawrenz ingħatat it-titlu ta’ Kolleġjata.
Waqt il-paniġierku, Dun Stefan Attard qal li San Lawrenz dejjem mexa ma’ wieħed mill-iktar kmandamenti importanti, dak li ħabb lil ħaddieħor bħalma ħabb lil Alla.
Dun Attard qal li anke jekk wieħed prova jagħmillu l-ħsara, hu xorta waħda urih l-imħabba u r-rispett bħal kull individwu ieħor.
Hu kompla jgħid li r-riflessjoni u l-kmand tal-imħabba waslitu għal vokazzjoni tal-qadi; vokazzjoni li sal-aħħar ta’ ħajtu baqa’ jxerridha lil dawk ta’ madwaru. Iżda wara kollox, kliemu kien tant b’saħtu li nxtered ma’ diversi pajjiżi u baqa’ jinxtered saż-żminijiet tal-illum.
Il-parroċċa tal-Birgu hija waħda mill-eqdem f’pajjiżna, b’Lorenzo Gafà ddiżinja l-Knisja ta’ San Lawrenz bix-xogħol sar bejn l-1681 u l-1697. L-arkitettura tal-Knisja saret fuq still Barokk filwaqt li fuq ġewwa wieħed isib diversi statwi, pitturi u salib magħmul bl-irħam.
Id-devozzjoni lejn San Lawrenz hija b’saħħitha ħafna u tmur lura mijiet ta’ snin. Infatti, għada l-parroċċa tal-lokalità ta’ San Lawrenz f’Għawdex tiċċelebra wkoll il-festa tal-qaddis li ġġib l-isem tiegħu.
Ritratti: Matthew Tabone
Muntaġġ: Claire Tabone