Lokali

Il-Gvern ikompli jinjora min hu fil-faqar

IIl-Gvern dejjem jiftaħar bit-tkabbir ekonomiku li ra pajjiżna f’dawn l-aħħar xhur … iżda jidher li qed jinsa l-ammont kbir ta’ persuni li jinsabu fil-kategoriji iktar baxxi u qed isibuha diffiċli biex ilaħħqu ma’ dan il-progress.

Fi stqarrija li ħarġet Caritas Malta, l-għaqda tinsab inkwetata immens dwar l-aħħar statistika li nħarġet mill-NSO dwar id-dħul u l-faqar.

Skont l-istatistika, fl-2018 kien hemm 78,685 persuna, numru li jammonta għal 16.8% li qed jgħixu b’madwar €8,868 fis-sena. Dan in-numru żied b’3,169 persuna li jinsabu fi kriżi biex ilaħħqu mal-ħajja u sempliċiment jixtru l-iktar affarijiet bażiċi.

Statistika pjuttost agħar minn din ta’ qabel hi li fis-sena preċedenti kien hemm 16,241 li kienu qed jgħixu biss b’€5,912, 3,441 persuna iktar li jinsabu bi dħul miżeru u li hija impossibli li jgħixu ħajja diċenti.

Dwar iż-żieda fil-faqar, Father Hilary Tagliaferro li jmexxi l-Millenium Chapel f’Paceville qabel li f’pajjiżna hawn bżonn li jsir xi ħaġa.

Minn naħa l-oħra, Caritas Malta nnutat li dawk konċernati mhumiex jagħmlu biżżejjed biex joħorġu lin-nisa mill-kategorija f’riskju ta’ faqar. Dan hekk kif in-nisa, l-iktar dawk li jieħdu ħsieb uliedhom weħidhom u l-anzjani, jinsabu fl-ogħla punt tal-kategorija.

Huma ffukaw b’mod speċjali għad-distakk qawwi li bħalissa hemm bejn dawk bi dħul baxx u dawk bi dħul għoli, li iktar ma jmur iktar qed jidher li qed jikber, kif tixhed l-istatistika.