Lokali

Il-Gvern Malti jaċċetta li jidħlu aktar immigranti f’pajjiżna

Il-Gvern Malti offra li jieħu 39 ieħor immigrant f’pajjiżna mill-bastiment Spanjol Open Arms wara li kien għalaq il-port għal dan l-istess vapur.

Bħalissa, abbord dan il-vapur hemm 121 immigrant fejn għadu jinsab bejn sema u ilma bl-ikel u x-xorb iktar ma jmur iktar qed jonqos.

Fl-aħħar jiem, kemm Spanja iżda wkoll l-Italja u Malta rrifjutaw li jgħatu l-għajnuna tagħhom wara li l-għaqda Open Arms talbu lill-eqreb pajjiżi tagħhom biex jingħataw port sigur f’dawn l-aħħar tmient ijiem li ilhom f’nofs il-baħar Mediterran.

Madanakollu, fi stqarrija li ħareġ il-Gvern Malti s-Sibt hu aċċetta li jieħu 39 immigrant mill-bastiment Open Arms.

Il-Forzi Armata ta’ Malta kienu diġa jinsabu fi triqthom biex jieħdu xi wħud mill-immigranti abbord iżda t-tim ta’ Open Arms m’aċċettawx li jittieħdu 39 immigrant biss. Dan hekk kif huma jridu li l-immigranti kollha jiddaħlu fuq l-art għas-sigurta tagħhom.

Madanakollu, il-Gvern Malti rrifjuta li jdaħħal l-immigranti kollha.

S’issa f’pajjiżna ddaħħlu aktar minn 1,150 immigrant mill-bidu tas-sena ‘l hawn.

Intant, fl-aħħar jiem membri mit-tim abbord Open Arms bagħatu ittra lil Spanja, Franza u Ġermanja biex tinstab soluzzjoni iżda l-ebda għajnuna ma waslet. Kelliem għall-Kummissjoni Ewropeja kkuntatjaw diversi pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropeja biex juru solidarjetà iżda l-ebda pajjiż ma kkordina ma’ din is-sejħa.

Fl-aħħar jiem, ir-riżorsi abbord dan il-vapur bdew jiġu skarsi. Il-Ħamis, l-attur Amerikan, Richard Gere, mar abbord dan l-istess vapur fejn ta ammont ta’ kaxxi mimlijin frott, ħaxix u ilma, fost ikel ieħor. Barra li għamel dan biex jgħin fl-affarijiet bżonjużi, Gere ried iwassal messaġġ biex dawn l-immigranti jingħataw l-għajnuna u port sigur.

Intant, il-Ġimgħa filgħodu l-għaqda Ocean Viking salvaw 85 immigrant ieħor minn fuq dgħajsa tal-gomma li kienet tinsab fil-baħar Mediterran il-barra mill-kosta tal-Libja.

Abbod il-vapur Ocean Viking hemm 56 raġel, 4 nisa u 25 tifel u tifla, fl-iżgħar tkun tarbija ta’ sena. It-tim ta’ Ocean Viking irrifjutaw li jieħduhom lura l-Libja minħabba l-periklu kbir li hemm, tant li qed iwassal għexieren jissograw ħajjithom fl-ibħra waqt li jaħarbu minn pajjiżhom. Dan il-bastiment, l-istess bħall-ieħor, jinsab f’nofs baħar mingħajr tip ta’ għajnuna minn xi pajjiżi.