Kunsilli Lokali Lokali

Kundanna għall-ħerba – Proposti għal bidla fil pjanijiet

B’referenza għax-xogħlijiet li qed isiru viċin u fil-lokalità ta’ Santa Luċija, l-President u l-Kumitat Seżżjonali PN ta’ Santa Luċija jikkundanna dan:

  • Kull aggressjoni li ssir meta xi nies jew individwi jsemmgħu leħinhom biex jesprimu diżapprovazzjoni kontra dak li qed iseħħ.
  • Il-fatt li se tintilef darba għal dejjem parti kbira minn masġar li kien jintuża wkoll bħala jogging track. Din iż-żona kienet tintuża minn bosta residenti kif ukoll nies minn lokalitajiet oħra minn kmieni filgħodu sa tard filgħaxija.
  • Il-ħela ta’ flus il-poplu. Infakkru li ftit biss wara li ġew inawgurati ix-xogħlijiet li kienu saru bi spiża ta’ €90,000 fl-2017, tressqet applikazzjoni biex parti sostanzjali kien se jinqered biex minflok jinkesa b’konkrit u tarmak bil-konsegwenza li t-triq prinċipali traffikuża tgħaddi eżatt viċin ir-residenti.
  • Il-Kunsill Lokali ta’ Santa Luċija ma nfurmax lir-residenti minn qabel ma beda’ l-proġett u ma tax informazzjoni ċara ta’ kif se jiżvolġu ix-xogħlijiet u x’qerda kienet se tinħoloq. Ma saret l-ebda laqgħa pubblika ta’ konsultazzjoni. Nikkundannaw il-fatt li l-Kunsill minflok għamel reżistenza għal din il-qerda ta’ bosta siġar maturi u jġib l-interess ta’ Santa Luċija l-ewwel u qabel kollox, qed jiġġustifika l-qerda ta’ green belt u għamel propoganda favur il-Gvern, minflok kien leħen ir-residenti.
  • Dan il-proġett wassal biex bosta siġar maturi kellhom jiġu meqruda minħabba l-fatt li dawn ma jgħixux la darba jinqalgħu. Nikkundannaw ukoll il-fatt li is-siġar taż-żebbuġ qed jinqalgħu f’Awwissu. Hekk kif ġejna nfurmati mill-Kunsill stess, dan ix-xogħol qed jiġi osservat minn “professjonisti” f’dan ir-rigward. Allura wieħed jistaqsi għalfejn dan ix-xogħol ma sarx fix-xitwa meta is-siġar ikunu dormant u t-temp ikun aktar frisk u tagħmel ix-xita. Ma ngħatat l-ebda informazzjoni jew kien hemm xi tip ta’ konsultazzjoni mal-pubbliku ta’ fejn is-siġar se jiġu jew jistgħu jiġu mħawwla fil-lokalità stess. Ma ġejniex infurmati ukoll jekk dawn is-siġar hux se jkunu mmarkati sabiex jiġi osservat u ggarantit it-tkabbir tagħhom. Ir-residenti ma ġewx infurmati wkoll kif u fejn se jiżdiedu it-‘300’ siġra ‘żejda’ li qed jintqal li se jkun hemm f’din iż-żona! 

 Għalkemm il-Kumitat mhux kontra li jitjiebu t-toroq u li jsir dan il-proġett sabiex tiġi evitata l-konġestjoni tat-traffiku fl-inħawi, jappella lil Ministru Ian Borg sabiex jiġu riveduti l-pjanijiet oriġinali.  Li tiġi ukoll kkunsidrata l-proposta li l-mina titwal u l-ħruġ tagħha jitressaq aktar ‘l fuq lejn it-Triq tal-Barrani. B’hekk tiġi salvata parti kbira mill-masġar li jservi ukoll bħala lqugħ mill-ħsejjes u tniġġis li joħloq it-traffiku fl-inħawi. Il-Kumitat Sezzjonali PN Santa Luċija jappoġġa kull inizzjattiva ta’ individwi u NGO’s li qegħdin juru d-diżapprovazzjoni ta’ dak li qiegħed issir fil-lokalità tagħna u nirringrazzjahom tas-solidarjetà li qed juru mar-residenti ta’ Santa Luċija.