Lokali

L-ebda ħjiel dwar id-data tal-bidu tal-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia

Għad m’hemmx data stabbilita għall-bidu tal-inkjesta pubblika dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Dan wara aktar minn xahar u nofs li l-Kunsill tal-Ewropa, f’rapport saħaq dwar il-bżonn li tinfetaħ din l-inkjesta pubblika.

Madwar xahar ilu, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin, Carmelo Abela, kien stqarr illi l-Gvern se jkun qed jieħu r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa, iżda sa issa għadha ma ġiet imsemmija l-ebda data.

Fir-rapport tiegħu, il-Kunsill tal-Ewropa stipula 3 xhur sabiex tinbeda l-inkjesta, li issa jaslu fi tmiemhom fl-aħħar ta’ Settembru.

Min-naħa tiegħu l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, kien stqarr illi huwa jilqa’ d-deċiżjoni tal-Gvern biex jinbeda l-proċess rikjest, u li huwa lest li jipposponi l-waqfa Parlamentari fis-sajf sabiex issir votazzjoni dwar it-twaqqif tal-inkjesta pubblika.

Sostna wkoll illi l-Gvern ilu jkaxkar saqajh biex jagħmel din l-inkjesta, u kellu jaqla’ ċanfira mingħand il-Kunsill tal-Ewropa biex jittieħed dan il-pass.

Biex issa, il-Gvern reġa’, jew aħjar, għadu, qed ikaxkar saqajh bl-ebda dettall għadu ma ġie ppubblikat dwar id-data ta’ meta din l-inkjesta ser tibda.