Id-debutt ta’ Frank Lampard bħala manager ta’ Chelsea se jkun f’Old Trafford hekk kif fuq in-naħa l-oħra Ole Gunnar Solskjaer se jibda l-ewwel staġun mill-bidu fit-tmexxija ta’ Manchester United. Chelsea akkwistaw b’mod permanenti lil Mateo Kovacic mingħand Real Madrid minħabba s-sospensjoni li għandhom fuq it-trasferimenti. Christian Pulisic mistenni jagħmel id-debutt wara li kien akkwistat f’Jannar li għadda. Lampard mistenni jibbaża fuq diversi żgħażagħ tal-klabb li sa issa ma kellhomx ħafna ċans fit-tim.
Solskjaer fuq in-naħa l-oħra mistenni jagħti d-debutt lil Aaron Wan-Bissaka u Harry Maguire, b’Daniel James jista’ jkun inkluż fil-logħba wkoll. Paul Pogba mistenni jirritorna f’nofs il-grawnd filwaqt li Alexis Sanchez mhux mistenni li jkun fl-iskwadra flimkien ma’ Eric Bailly li huma mweġġgħin. Lampard ikkonferma li N’Golo Kante jinsab tajjeb iżda xorta se jaraw il-kundizzjoni tiegħu qabel il-logħba. Antonio Rudiger irritorna għat-taħriġ filwaqt li Willian hu dubjuż.
Fatt interessanti hu li Manchester United u Chelsea huma l-aktar żewġ timijiet li rebħu l-ewwel logħba fil-Premier League. Aktar minn hekk, Chelsea rebħu sitt darbiet fil-Premier League f’Old Trafford. Ħamsa minnhom waslu fl-ewwel żjara ta’ manager gdid f’Old Trafford. Glenn Hoddle, Ruud Gullit, Josè Mourinho, Carlo Ancelotti u Rafael Benitez kollha rebħu fl-ewwel logħba tagħhom, bl-eċċezzjoni ta’ Claudio Ranieri. Din se tkun l-ewwel logħba kompetittiva bejn dawn iż-żewġ timijiet fejn iż-żewġ managers lagħbu mal-klabb tagħhom bħala plejers.
Fost l-aktar konfronti mistennija, Leicester jilqgħu lil Wolves fil-King Power Stadium. Dan is-sajf kien importanti għal Brendan Rodgers li se jibda l-ewwel staġun mill-bidu ma’ dan it-tim. Huma saħħew l-iskwadra bl-inklużjoni ta’ Ayoze Perez u Youri Tielemans iżda tilfu lid-difensur influwenti Harry Maguire. Wolves żammew il-qafas tat-tim mill-istaġun li għadda, akkwistaw b’mod permanenti lil Raul Jimenez u Leander Dendoncker filwaqt li akkwistaw lil Patrick Cutrone u lid-difensur Jesus Vallejo b’self. Iż-żewġ timijiet għandhom il-mira li jiksbu post fl-Ewropa u potenzjalment jinfiltraw id-dominju tal-ewwel sitta. Fl-istaġun li għadda, Leicester rebħu f’darhom 2-0 filwaqt li Wolves rebħu t-tieni logħba 4-3.
Manchester City jibdew id-difiża tat-titlu barra minn darhom kontra West Ham. Pep Guardiola kkonferma li l-akkwist il-ġdid Joao Cancelo mhux se jibda iżda Riyad Mahrez u Aymeric Laporte huma tajbin biex jilagħbu. Ovvjament Leroy Sane se jdum diversi xhur barra wara li weġġa’ l-ligamenti tal-irkoppa. West Ham se jkollhom biss lill-captain Mark Noble nieqes. West Ham spiċċaw il-kampjonat li għadda bi tliet rebħiet konsekuttivi u wara l-irtokki li għamlu fit-tim, il-manager Manuel Pellegrini jittama f’riżultat pożittiv mill-ewwel. Huma jridu joqogħdu attenti speċjalment għal Sergio Aguero li skorja sitt gowls fl-ewwel logħba tal-kampjonat fl-Ingilterra.
Tottenham Hotspur jibdew il-kampjonat b’logħba diffiċli kontra Aston Villa li rritornaw fil-Premier League wara nuqqas ta’ tliet snin. Tottenham se jkollhom lil Dele Alli, Ben Davies, Juam Foyth, Heung-Min Son u l-akkwist Ryan Sessegnon neqsin. Aston Villa fuq in-naħa l-oħra se jkun tim b’entużjażmu, speċjalment wara li kienu l-aktar tim attiv fis-suq tat-trasferimenti mit-timijiet tal-Premier League, bi 12-il akkwist.
Premier League
Ilbieraħ: Liverpool v Norwich 4-1
Illum:West Ham v Manchester City 1.30pm, Bournemouth v Sheffield United 4.00pm, Burnley v Southampton 4.00pm, Crystal Palace v Everton 4.00pm, Watford v Brighton 4.00pm, Tottenham v Aston Villa 6.30pm
Għada: Leicester v Wolves 3.00pm, Newcastle v Arsenal 3.00pm, Manchester United v Chelsea 5.30pm
//= $special ?>