Sport Sport Ieħor

Paul Galea se jipparteċipa fit-tielet tappa tal-Kampjonat tal-Mediterran

(Ritratt: MR Photography)

Il-Ħadd fil-korsa ta’ Akbuzat li tinsab f’Ufa r-Russja, issir it-tielet tappa tal-Kampjonat tal-Mediterran li fiha r-rappreżentant Malti hu Paul Galea. Is-sewwieq ta’ 27 sena ilu jsuq mal-Malta Racing Club mill-2011 u b’kollox rebaħ 55 tiġrija.

Is-sena 2017 kienet l-aqwa waħda għal Galea u f’Jannar tas-sena l-oħra rrappreżenta lil Malta fit-Tazza tal-Amateurs fil-korsa ta’ Vincennes f’Pariġi. Il-polza taż-żwiemel issir il-Ħadd stess fejn fuq distanza ta’ 1600 metru se jsuqu żwiemel Russi u Orlov li għandhom aktar minn erba’ snin. Fit-tieni tiġrija, is-sewwieqa jibdlu ż-żwiemel skont l-ordni li jtemmu l-ewwel tiġrija.

Malta bħalissa tinsab fil-quċċata f’dan il-kampjonat. Dan wara li Noel Baldacchino rebaħ l-ewwel tappa li saret f’pajjiżna fl-aħħar ta’ Marzu u Clint Vassallo rebaħ it-tieni tappa li saret fil-korsa ta’ Ploiesti fir-Rumanija f’Lulju.