Għawdex Knisja Lokali

“Qed infittxu l-pjaċir flok il-ferħ” – l-Isqof Mario Grech

"Tħassib fuq kif wasalna fi stat li l-bniedem qed jipproponi li l-kannabis jew il-marijuana jkunu legalizzati għal użu rikreattiv"

Iħassibna l-fatt li llum il-bniedem għandu liċenzja jagħmel li jrid, iħassibna l-fatt li wasalna f’punt fejn il-bniedem qed jipproponi li l-kannabis jew il-marijuana jkunu legalizzati għal użu rikreattiv. Dan qalu l-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech f’Ittra Pastorali bit-tema Marija t-Triq tal-Ferħ. Fejn fiha kompla jgħid li fid-dinja llum il-ġurnata m’għadniex infittxu il-ferħ, iżda qed insibu biss il-pjaċir, li ma jwassal għall-imkien ħlief għad-delirju tal-mument.

Huwa qal li l-Għid ta’ Santa Marija jfakkarna f’festa kbira tal-Madonna. Huwa qal li din il-festa hija ċċelebrata f’tant postijiet, f’tant knejjes, li hija verament festa li lil pajjiżna żżejnu b’dak kollu li jafu joffru l-festi tagħna. Hawn appella biex fil-festa ta’ Santa Marija nisimgħu l-vuċi ta’ Sidtna Marija li tistedinna biex qalbna ngħolluha ’l fuq; biex qalbna ma tkunx biss marbuta ma’ din id-dinja sabiħa, ma’ din il-ħajja sabiħa, imma wkoll is-sejħa tagħna għall-ġenna.

Kompla li jekk insaħħu r-relazzjoni tagħna m’Alla, aħna nkunu sibna l-ferħ dejjiemi.

Huwa qal li matul is-Sena Marjana Għawdex għex diversi mumenti fejn ħares lejn Marija. Tenna li kien sinifikattiv ħafna l-Affidament lil Marija, hekk kif id-djoċesi Għawdxija f’Ta’ Pinu il-parroċċi Għawdxin ingħaqdu aktar.

L-Isqof kompla li fix-xhur li għaddew kien hemm diversi mumenti fejn anki tkebbset id-devozzjoni Marjana, fosthom bħan-Novena tal-Milied u kif ukoll l-Eżerċizzji tar-Randan, il-pellegrinaġġi mill-parroċċi, mill-Armata u l-Korp tal-Pulizija lejn is-Santwarju Ta’ Pinu.

L-Isqof ta’ Għawdex kompla li Sidtna Marija Mtellgħa s-Sema hija sinjal li aħna għandna destin veru sabiħ, li hemm bżonn nippreparaw minn din il-ħajja billi ngħixu f’paċi ma’ xulxin, mal-proxxmu tagħna u ma ninsewx li Alla, ta’ ħniena kbira, iħobbna tassew.