Sport Waterpolo

Rimonta fit-tielet sessjoni tpoġġi lil Birżebbuġa fil-finali

Stewart Said

BIRŻEBBUĠA FREEPORT…….. 12

VALLETTA VIDEOSLOTS……… 11

(2-3), (4-4), (5-2), (1-2)

Birżebbuġa Freeport pattew għad-diżappunt li ma spiċċawx it-tieni rawnd tal-kampjonat fil-quċċata meta għelbu lil Valletta Videoslots 12-11. B’hekk huma jiltaqgħu kontra Marsaskala f’dik li se tkun ripetizzjoni tal-finali tas-sena l-oħra.

Fil-kampjonat Valletta rebħu ż-żewġ logħbiet meritatament iżda f’din il-logħba, Birżebbuġa rnexxielhom jieħdu vantaġġ mit-tielet sessjoni diżappuntanti ta’ Valletta biex wara li marru fil-vantaġġ żammewh sat-tmiem.

Valletta rebħu l-ewwel sessjoni 3-2 f’sessjoni bilanċjata li fiha ż-żewġ timijiet bdew isibuha diffiċli biex ikollhom attakki organizzati. Dmitri Kholod fetaħ l-iskor minn penalty li kien kontestat minn Birżebbuġa, bit-tim ta’ Pierre Borg l-ewwel jiskorja minn Antun Goreta f’nofs is-sessjoni u wara kien Jake Bajada li skorja mis-centre. Sasa Misic ġab id-draw u Charlie Zammit poġġa lit-tim Belti minn fuq b’xutt minn pożizzjoni ċentrali.

Birżebbuġa rnexxielhom idawru l-iżvantaġġ b’żewġ gowls fl-ewwel minuta tat-tieni sessjoni. Misic ġab id-draw iżda penalty ta’ Antonio Petkovic ħalla lil Birżebbuġa minn fuq. Dan sakemm Michael Cordina u Andrea Bianchi reġgħu poġġew lil Valletta 6-5 fil-vantaġġ. Petkovic reġa’ skorja minn penalty iżda l-Beltin xorta temmew is-sessjoni gowl vantaġġ, b’Misic jieħu vantaġġ minn nuqqas ta’ attenzjoni tal-avversarji.

Birżebbuġa ħadu r-riedni tal-logħba fit-tielet sessjoni bi tripletta ta’ Antonio Petkovic u doppjetta ta’ Antun Goreta li għamlu l-iskor 11-7. Valletta ftit inkwetaw lil Daniel Spiteri fis-sessjoni, iżda doppjetta ta’ Dmitri Kholod fl-aħħar żewġ minuti, ħalliet lil Valletta jittamaw.

James Spiteri Staines naqqas id-distakk fil-bidu tal-aħħar sessjoni iżda Antun Goreta reġa’ rdoppja l-vantaġġ wara li tħalla żmarkat. Il-ħin baqa’ għaddej u Birżebbuġa dehru destinati għar-rebħa, sakemm Andrea Bianchi skorja minuta u nofs mit-tmiem. Iżda l-Beltin naqsu li jiskorjaw fl-aħħar attakk tagħhom biex Birżebbuġa kisbu r-rebħa.

Birżebbuġa: D. Spiteri, M. Borg, N. Cassar, D. Pace Lupi (1), C. Mifsud, A. Petkovic (5), S. Vassallo, D. Cutajar, J. Bajada (1), M. Cutajar, A. Goreta (5), M. Ortoleva, J. Cremona, C. Farrugia, R. Spiteri

Valletta: R. Sciortino, J. Spiteri Staines (1), A. Agius, P. Borg, A. Bianchi (2), R. Mock, D. Paolella, M. Mifsud, M. Cordina (1), M. Zammit, D. Kholod (3), N. Farrugia, R. Bonnici, S. Misic (3), C. Zammit (1)

Referees: Peter Balzan, Alessio Nicolai