Il-Ġimgħa waranofsinhar żewġ sewwieqa jistgħu jgħodduha b’waħda wara li kienu involuti f’inċident sfortunat.
Dan hekk kif mill-ewwel indikazzjonijiet jidher li tappiera tad-drenaġġ fit-triq prinċipali tax-Xemxija, li skont uħud ilha mikxufa għal dawn l-aħħar ġimagħtejn, ikkaġunat ħabta bejn karozza u vann.
Xhieda fuq il-post li tkellmu ma’ din il-kamra tal-aħbarijiet spjegaw li s-sewwieq tal-vann tilef il-kontroll tal-vettura hekk kif nfaqgħet rota minħabba t-tappiera. Konsegwenza t’hekk seħħ impatt ma’ karozza madanakollu fortunatament ma ndarab ħadd.
Bosta saħqu li apparti li din it-tappiera qed tkun ta’ periklu għas-sewwieqa b’mod partikolari matul il-lejl – qed tkun ukoll ta’ inkonvenjent għar-residenti u min iżur ix-Xemxija minħabba r-riħa insapportabbli ta’ drenaġġ.
Sadanittant, għalkemm it-tappiera mikxufa kienet u mikxufa baqgħet tpoġġew żewġ cones madwarha biex is-sewwieqa jilmħuha.
