Fl-aħħar jiem żewġ atleti Maltin ipparteċipaw fl-akbar kompetizzjoni tal-crossfit fid-dinja. Jessica Borg Ghigo u Daryl Borg saru l-ewwel atleti Maltin li pparteċipaw kontra l-aktar atleti b’saħħithom fl-Allianz Energy Center f’Madisson Wisconsin fl-Istati Uniti.
Jessica Borg Ghigo spiċċat fit-80 post minn 132 parteċipant u kienet ħames postijiet bogħod milli tgħaddi mill-ewwel rawnd. Dan ir-rawnd kien jinvolvi ġirja ta’ 400 metru, tliet tlajjiet mal-ħabel u seba’ squat snatches ta’ kważi 59kg għal erba’ darbiet, b’limitu ta’ 20 minuta. Borg Ghigo kienet fit-tieni heat u mit-tliet heats kollha kienu erba’ atleti nisa biss li lestew qabel l-20 minuta.
Fil-kompetizzjoni tal-irġiel, l-ewwel rawnd kien jikkonsisti wkoll f’ġirja ta’ 400 metru, tliet tlajjiet mal-ħabel u b’differenza tan-nisa seba’ squats snatch ta’ 84kg għal erba’ darbiet. Borg spiċċa fil-124 post minn 144 atleta. F’dan ir-rawnd kienu biss 45 atleta li lestew fil-limitu ta’ 20 minuta.
Iż-żewġ atleti ta’ The Pit kienu taħt it-tmexxija tal-kowċ Roderick Attard. Huma jqisu din l-esperjenza bħala kbira minħabba li kellhom iċ-ċans jiltaqgħu u anki jitħarrġu mal-aqwa tad-dinja f’dan l-isport. Kemm Borg Ghigo kif ukoll Borg se jerġgħu jippruvaw jikkwalifikaw għas-sena d-dieħla.