Internazzjonali

Iċ-Ċina: Jiżdiedu l-mejtin mit-Tifun Lekima


L-imwiet mill-impatt tat-Tifun Lekima qabżu t-30 fiċ-Ċina, b’numru ta’ nies ikunu rappurtati neqsin fost l-istraġi li ħalla warajh il-maltemp. Intant, l-uffiċjali fl-aħħar sigħat qalu li l-elementi tat-tifun affettwaw madwar ħames miljun persuna fil-provinċja ta’ Zhejiang, b’miljun resident jispiċċaw evakwati lejn inħawi anqas perikolużi.

Tifun Lekima laqat l-art taċ-Ċina nhar is-Sibt, bl-ewwel effetti tiegħu jinħassu l-aktar f’Wenling, bejn it-Tajwan u Shangai li hi l-kapitali finanzjarja taċ-Ċina. Dan fost l-irwiefen u l-ħalbiet tax-xita qawwija, bil-maltemp, imbagħad, javvanza tul medda ta’ territorju. L-aħħar indikazzjonijiet kienu li l-qilla tat-tifun kellha tolqot it-territorji tul il-kosta lejn il-lvant taċ-Ċina.

L-istampa taċ-Ċina qalet li l-akbar ammont ta’ imwiet mill-effetti diżastrużi ta’ Lekima seħħew fil-belt ta’ Wenzhou, fejn l-inżul tax-xita bla rażan wassal għall-valangi.

L-iskwadri għall-emerġenza, sadanittant, stinkaw kemm felħu biex isalvaw lis-sewwieqa tal-karrozzi mill-għargħar, bi skwadri oħrajn ifittxu għall-persuni ħajjin qalb il-fdalijiet tal-bini li ġarrbu l-akbar impatt tat-tifun.

F’Zhejiang, l-effetti ta’ Lekima ħallew il-ħsarat f’talanqas 34,000 residenza, fost il-qerda għall-art saqwija fiz-zona. It-telf ekonomiku dirett b’konsegwenza tat-tifun qed ikun ikkalkulat qrib iż-żewġ biljun ewro.

L-aħħar filmati urew ħaddiema tas-salvataġġ bid-dgħajjes qegħdin iduru fil-belt ta’ Linhai, fejn it-toroq sfaw kompletament mgħarrqin.

Sadanittant, Tifun Lekima laħaq għadda minn Shangai u issa mistenni jolqot il-provinċja ta’ Shandong.

Mal-250,000 resident kienu evakwati minn Shangai, b’aktar minn 3,200 titjira jispiċċaw ikkanċellati b’riżultat tat-tifun. Il-belt ta’ Shangai, l-istess bħal Beijing u bliet oħrajn fiċ-Ċina, ilbieraħ kienu qed iżommu l-ajruplani fl-art bħala prekawzjoni.