Internazzjonali

In-Norveġja: Sparatura ġo moskea investigata bħala att terroristiku

Il-Pulizija Norveġiża kkonfermat li qed tinvestiga sparatura li seħħet ġo moskea f’Baerum, fil-limiti ta’ Oslo, bħala azzjoni ta’ terroriżmu potenzjali. Dan wara li raġel armat, nhar is-Sibt, fetaħ in-nar fuq iċ-Ċentru Iżlamiku ta’ Al-Noor sakemm spiċċa megħlub minn persuna li kien fil-moskea – bl-aggressur anki jispiċċa jsofri l-ġrieħi ħfief.

Aktar tard, instabet mara mejta fid-dar tas-suspettat fost konferma li hi kienet relazzjoni tas-suspettat – raġel Norveġiż ‘li anki kien magħruf lill-pulizija qabel l-inċident’.

Filwaqt li s-suspettat ma jidhirx li għandu rekord kriminali ‘partikulari’, hu għandu ‘is-simpatiji estremisti’ fejn iddikjara lilu nnifsu kontra l-immigranti.

Is-sinjali huma li s-suspettat wettaq l-isparatura waħdu f’ħin meta tliet persuni biss kienu fil-moskea u meta kellu fuqu żewġt isnieter u pistola. Intant, hu rnexxielu jkisser bieb tal-ħġieġ u mal-ewwel beda jispara t-tiri għal ġewwa l-moskea, fejn persuna spiċċat midruba.

Din il-moskea, qabel, kienet implimentat il-miżuri tas-sigurtà addizzjonali wara li estremista armat, aktar kmieni din is-sena, qatel 51 persuna waqt attakki fuq żewġ moskej ta’ Christchurch, fi New Zealand.