L-Avukat Ġenerali Amerikan u l-ogħla awtoritajiet tal-ġustizzja fl-Istati Uniti qed jinsistu li jsiru ‘il-mistoqsijiet serji’ dwar il-finanzjatur rinomat Jeffrey Epstein, li, fi tmiem il-ġimgħa, instab mejjet fiċ-ċella tal-ħabs tiegħu. Dan meta hu kien qed jistenna biex ikun ipproċessat dwar akkużi ta’ traffikar ta’ tfajliet bi skop sesswali.
Il-katavru ta’ Epstein – li jingħad li kellu konnessjonijiet politiċi kbar – instab ġo faċilità korrettiva fi New York u l-uffiċjali qed jgħidu li mewtu ‘qed tidher bħala suwiċidju’.
Sadanittant, l-inċident qed ikun investigat bir-reqqa mill-aġenti tal-FBI, bl-Avukat Ġenerali William Barr jagħmilha ċara li jinsab ‘ixxukkjat għall-aħħar’ bil-mewt ta’ Epstein – u bid-Dipartiment tal-Ġustizzja jinsab għaddej ukoll b’investigazzjoni.
Is-Sindku ta’ New York, Bill de Blasio, qal li hi ‘wisq konvenjenti’ li Epstein, issa, ma jista’ qatt jinkrimina lil ħaddieħor u meta ‘kulħadd qed jistaqsi x’seta’ kien jaf il-finanzjatur jew kemm il-biljunarji kienu parti mill-attivitajiet illegali li hu (Epstein) kien involut fihom’. De Blasio qed jikkuntesta għan-nomina tal-Partit Demokratiku biex jikkuntesta l-elezzjoni li jmiss għall-Presidenza Amerikana f’isem il-partit.
Ix-xahar li għadda, Epstein, li kellu 66 sena, qal li ma kienx ħati dwar akkużi rigward it-traffikar ta’ persuni għal intenzjoni sesswali waqt li ċaħad li kien involut f’kumplott li kien jinvolvi psersuni vulnerabbli. Intant, kien deċiż li hu jinżamm f’ċella ta’ ħabs wara li ma ntlaqgħetlux it-talba għal libertà proviżorja.
Wara li sabu lil Epstein ‘mitluf minn sensih’ fiċ-ċella, l-istaff tal-faċilità wassluh b’urġenza l-isptar fejn, ftit wara, kien iċċertifikat mejjet.
Fil-fatt, Epstein – ix-xahar li għadda (u wara li ċaħdulu l-libertà proviżorja) – kien instab nofsu f’sensih fiċ-ċella tiegħu fejn kellu wkoll numru ta’ ġrieħi f’għonqu. Hu, wara, kien ingħata t-trattament l-isptar qabel kien ittrasferit lura lill-Metropolitan Correctional Center fi New York, li hu kunsidrat fost l-aktar ħabsijiet b’element għoli ta’ sigurtà fl-Istati Uniti.
Għalissa, hemm ir-rapporti konfliġġenti dwar jekk Epstein, fl-aħħar jiem ta’ ħajtu, kienx taħt għassa minħabba l-possibbiltà li jwettaq suwiċidju. L-istampa qalet li minkejja ‘ammont ta’ tħassib’, Epstein ma kienx qed jinżamm fuq suicide watch fil-ħin ta’mewtu.
Il-mewt tal-finanzjatur seħħ l-għada li ħarġu l-mijiet ta’ paġni ta’ dokumenti tal-qorti li żvelaw allegazzjonijiet ġodda kontra tiegħu u wħud mill-assoċjati tiegħu.
Jeffrey Epstein kien qed ikun akkużat li ħallas tfajliet taħt it-18-il sena biex jinvolvu ruħhom f’atti indiċenti li saru fid-djar lussużi li kellu f’Manhattan u Florida. L-abbuż kien seħħ bejn l-2002 u l-2005, b’Epstein jispiċċa arrestat fis-6 ta’ Lulju li għadda wara li kien niżel fi New Jersey bl-ajruplan privat tiegħu.
Hu wkoll magħruf li Epstein kien evita akkużi simili waqt ‘arranġament’ sigriet u kontroversjali li kien laħaq mal-awtoritajiet tal-Ġustizzja fl-2008 u fejn hu, minflok, ammetta l-ħtija għal akkuża anqas gravi.Il-ftehim inkwistjoni kien suġġett għal skrutinju kbir fl-aħħar ġimgħat u, ix-xahar li għadda, is-Segretarju Amerikan għax-Xogħol, Alex Acosta, spiċċa jirriżenja minħabba r-rwol li kellu fl-hekk-imsejjaħ plea deal tal-2008.
Il-prosekuturi anki akkużaw lil Epstein b’li ħallas somom kbar ta’ flus lil żewġ xhieda potenzjali qabel il-proċess tiegħu li kien se jsir is-sena d-dieħla. Il-finanzjatur, f’dan il-każ, kien qed iħares lejn 45 sena priġunerija li kieku kellu jinstab ħati.
Jeffrey Epstein, imwieled fi New York, kien jaħdem bħala għalliem qabel iddeċieda li jibda karriera fil-qasam finanzjarju. Qabel tressqu l-akkużi kontra tiegħu, hu kien magħruf għall-ġid straordinarju li rnexxielu jakkumula kif ukoll għall-konnessjonijiet ta’ profil għoli li kellu.
Epstein kemm-il darba deher fil-kumpanija tal-President Amerikan Donald Trump, l-Eks-President Amerikan Bill Clinton u l-Prinċep Andrew tal-Ingilterra waqt diversi attivitajiet soċjali.
Sadanittant, ivarjaw ir-rapporti dwar ‘il-livell tal-ġid’ ta’ Jeffrey Epstein – bil-kumpanija tiegħu, ibbażata fil-Virgin Islands, ma tipproduċi l-ebda rekords jew data pubbliċi.
//= $special ?>