Lokali

Joseph Muscat jibqa’ jmeri in-numri tal-faqar f’Malta

Filwaqt li qed jakkuża lil dawk li qed iħarsu lejn in-numri mill-istatistika li ħarġet fl-aħħar jiem dwar l-ammont kbir ta’ nies f’riskju ta’ faqar hawn Malta, il-Prim Ministru Joseph Muscat, waqt kollegament qasir fuq l-istazzjon tar-radju tal-Partit Laburista, beda jsemmi ċifri ta’ studji internazzjonali li skontu juru li l-Maltin qed iħossuhom aħjar.

Bla dubju li Joseph Muscat qed jerġa’ juża kliem sabiħ u ċifri li jmeru l-istatistika uffiċjali li ħarġet mill-NSO biex inessa u jaħbi l-fatt li 78,685 persuna qegħdin f’riskju ta’ faqar… rata ta’ 16.8% tal-popolazzjoni li tinsab f’riskju ta’ faqar.. numri li juru żieda mill-aħħar stħarriġ… Dan biex wieħed ma jsemmix ukoll l-113,238 persuna li jinsabu f’riskju ta’ faqar meta tinkludi benefiċji bħal penzjoni.

Il-fatti li ħarġu f’din l-aħħar statistika juru li hemm madwar 36 elf ruħ li m’għandhom biżżejed flus biex iżommu d-dar tagħhom sħuna fix-xitwa, 27 elf ruħ li ma jaffordjawx jieklu laħam, tiġieġ, ħut jew veġetarian u 12-il elf ruħ li mhux jibqalhom biżżejed flus fl-aħħar tax-xahar biex iħallsu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma u l-loans tal-bank… ‘il fuq minn 9,500 m’għandhomx biex jixtru karozza.

Madanakollu Joseph Muscat jibqa’ jmeri l-fatti.

Numri kbir ta’ għaqdiet ukoll stqarru li s-sitwazzjoni preżenti mhux kif qed jipprova jpenġiha l-Gvern:

Is-CEO ta’ SOS Malta, Claudia Taylor East qalet li s-sitwazzjoni ta’ pajjiżna hi waħda tal-biki.

Father Hilary Tagliaferro li jmexxi l-Millenium Chapel f’Paceville qabel li f’pajjiżna hawn bżonn li jsir xi ħaġa.

Minn naħa l-oħra, Caritas Malta nnutat li dawk konċernati mhumiex jagħmlu biżżejjed biex joħorġu lin-nisa mill-kategorija f’riskju ta’ faqar. Dan hekk kif in-nisa, l-iktar dawk li jieħdu ħsieb uliedhom weħidhom u l-anzjani, jinsabu fl-ogħla punt tal-kategorija.Il-Prim Ministru fakkar li dawn in-numru kbar u allarmanti li ħarġu mill-NSO huma bbażati fuq is-sena 2017. Dan għalekk jitfa’ dubji serji dwar kemm se naraw anqas nies f’riskju ta’ faqar fl-istatitika li tkun tikkorpora s-sena 2019… wara li fl-aħħar jiem rajna żieda kbira fil-prezz tal-ħalib u l-fjuwils fost oħrajn.