Kastilja se twarrab lil Johann Buttigieg minn CEO tal-PA
Ir-rwol ta’ CEO tal-Awtorità tal-Ippjanar se jingħata lil Charlon Gouder
Johann Buttigieg, li għal dawn l-aħħar snin okkupa l-kariga ta’ Chairman Eżekuttiv Ewlieni tal-Awtorità tal-Ippjanar (PA), mistenni jitwarrab minn din il-kariga fi żmien qasir biex postu jieħdu Charlon Gouder li attwalment igawdi fiduċja ferm akbar minn Kastilja.
Ir-relazzjonijiet bejn Johann Buttigieg u Kastilja ilhom sejrin għall-agħar sa mis-sena l-oħra bir-riżultat li issa s-sitwazzjoni waslet f’punt li Kastilja bi pjan li twarrbu mill-kariga ta’ Chairman Eżekutiv Ewlieni.
Sorsi li f’nofs din il-ġimgħa tkellmu b’mod kunfidenzjali ma’ il-mument żvelaw magħna li fl-aħħar xhur waslu diversi stejjer lil Kastilja fil-konfront ta’ Johann Buttigieg. Jekk humiex veritieri jew le dawn ir-rapporti li twasslu lil terzi f’Kastilja ma humiex magħruf. Li hu magħruf fiċ-ċert hu li Johann Buttigieg m’għadux igawdi l-fiduċja ta’ Kastilja u għalhekk kollox jindika li dan ir-rapport bejn iż-żewġ naħat se jinbidel.
Min-naħa l-oħra dan ir-rwol ta’ Chairman Eżekuttiv Ewlieni tal-Awtorità tal-Ippjanar se jingħata lil Charlon Gouder li hu isem familjari ħafna kemm ma’ Kastilja kif ukoll maċ-Ċentru Nazzjonali Laburista. Charlon Gouder hu wkoll meqjus minn ta’ ġewwa ħafna u attwalment – anki jekk ċerti stejjer dwaru ma jonqsux – igawdi fiduċja relattiva mill-istess Prim Ministru Joseph Muscat u miċ-Chief of Staff Keith Schembri.
Attwalment Charlon Gouder igawdi pakkett finanzjarju vantaġġjuż fi ħdan il-Federazzjoni Maltija tal-Produtturi tal-Akwakultura fejn issa ilu jimmilita hemmhekk għal diversi xhur wara li kien jokkupa kariga ta’ konsulenza mal-Ministru Josè Herrera.
Reċentement, fi Frar li għadda, l-istess Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni tal-Federazzjoni Maltija tal-Produtturi tal-Akwakultura, kien fi Spanja għal taħditiet importanti dwar l-iskandlu kbir tat-tonn li kien żvelat fejn fiċ-ċentru kien hemm id-Direttur tas-Sajd Adreina Fenech Farrugia li dwarha kien ingħad li allegatament kienet talbet ħlasijiet mingħand terzi fi Spanja. Dak l-iskandlu partikulari kien wassal għas-sospensjoni ta’ Adreina Fenech Farrugia mir-rwol tagħha u attwalment ma hux magħruf dejn waslu l-investigazzjonijiet dwar l-allegazzjonijiet serji li kienu ngħadu.
Nifhmu li fir-rigward ta’ Charlon Gouder diġà beda t-tħejjijiet tiegħu għal dan ir-rwol il-ġdid biex hekk se jkun qed jidħol f’uffiċċju ġdid fejn il-pakkett li se jkun qed jirċievi wkoll se jkun qed javviċna l-€100,000 fis-sena… l-istess ċifra li attwalment igawdi Johann Buttigieg.
Lil hinn minn rapporti oħrajn li wieħed irid jivverifika, ta’ dannu kbir għal Johann Buttigieg bħala Chairman Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar kien il-mod kif żviluppa u evolva l-inċident tal-20 ta’ Settembru tas-sena l-oħra meta l-istess Johann Buttigieg kien involut “fl-iżball” li ddeċieda li jħallas eluf ta’ ewro biex jibgħat ajruplan privat biex iġib Malta membru tal-Bord biex jivvota favur il-proġett tad-db f’Pembroke. Għal bosta, dak l-iżball ma jista’ jinħafer qatt.
//= $special ?>