Internazzjonali

L-Indja: Għexieren ta’ mejtin, mijiet ta’ eluf ta’ evakwati…

’Il fuq minn 100 persuna mietu b’konsegwenza tal-għargħar li faqa’ medda ta’ territorju lejn il-punent u n-nofsinar tal-Indja waqt l-istaġun tal-monsoon attwali. Dan waqt li mijiet ta’ eluf oħra spiċċaw evakwati minn djarhom minħabba l-periklu kbir tal-maltemp u l-potenzjal ta’ għargħar jerġa’ aktar qawwi fiz-zoni partikulari.

Għexieren fost dawn il-mejtin jinsabu fl-Istat ta’ Kerala, lejn il-Lbiċ tal-Indja, bl-għargħar u l-valangi tal-art sussegwenti (b’kaġun tal-ħalbiet tax-xita konsistenti) qed iħallu zoni sħaħ ‘maqtugħin u iżolati’ mill-kumplament tal-pajjiż.

L-uffiċjali, fl-aħħar sigħat, sejħu biex in-nies jippruvaw isibu refuġju mill-elementi f’art aktar għolja. Dan meta x-xita tal-monsoon mistennija tkompli tagħmel tagħha sal-aħħar tas-sajf, fost l-impatt qerriedi għall-komunitajiet lokali.

L-uffiċjali inkarigati mill-ħidma għall-emerġenza f’dawn is-sitwazzjonijet qalu li ’l fuq minn 100,000 persuna f’Kerala spiċċaw evakwati lejn il-kampijiet li jipprovdu sostenn lir-residenti waqt id-diżastri naturali. Sadanittant, l-uffiċjali għamluha ċara li hemm għexieren ta’ lokalitajiet li spiċċaw ‘assedjati mill-valangi tat-tajn’ fost il-maltemp u li huma ma jistgħux ikollhom aċċess għalihom.