Futbol Sport

Manchester United il-kampjonat jibdew bl-aħjar mod possibbli

(Ritratt: Premier League)
Rebħa importanti għal Arsenal u draw bejn Leicester u Wolves

Manchester United fetħu l-kampjonat tagħhom bl-aħjar mod possibbli b’rebħa ta’ 4-0 kontra Chelsea f’Old Trafford. Din kienet magħmudija tan-nar għal Frank Lampard fid-debutt fil-Premier League bħala manager ta’ Chelsea.

Fl-ewwel taqsima t-tim minn Londra laqat il-wieqfa dartbejn, l-ewwel wara erba’ minuti minn Tammy Abraham u lejn tmiem l-ewwel taqsima minn Emerson Palmieri. Iżda kienu Manchester United li daħlu jistrieħu 1-0 minn fuq meta fit-18-il minuta ngħataw għal fawl fil-kaxxa ta’ Kurt Zouma fuq Marcus Rashford, bl-istess plejer jegħleb lil Kepa Arrizabalaga.

Fit-tieni taqsima, Chelsea komplew b’aktar pussess iżda kienu r-Red Devils li rduppjaw fil-65 minuta bi kross preċiż ta’ Andreas Pereira jsib lil Anthony Martial li kompla għal ġewwa biex żewġ minuti wara, Paul Pogba sab lil Marcus Rashford li kabbar l-iskor. Glorja wkoll għas-sostitut Daniel James li fil-81 minuta għamel l-iskor 4-0 b’xutt li kien imxellef minn Emerson Palmieri, f’dak li kien gowl fid-debutt tiegħu fil-Premier League.

Gowl fit-58 minuta ta’ Pierre-Emerick Aubameyang ta bidu pożittiv lil Arsenal li għelbu lil Newcastle United 1-0 f’St. James’ Park. L-attakkant għeleb lil Martin Dubravka wara li tħalla żmarkat f’pożizzjoni perikoluża wara kross preċiż ta’ Ainsley Maitland-Niles.

F’logħba oħra, Leicester u Wolves spiċċaw fi draw ta’ 0-0 fil-King Power Stadium, f’logħba bejn żewġ timijiet li qed jaspiraw għal post fl-Europa League. Wolves kienu ħasbu li skorjaw fil-51 minuta meta minn korner ta’ Joao Moutinho, Leander Dendoncker għeleb lil Kasper Schmeichel, iżda l-gowl tħassar permezz tal-VAR minħabba li l-ballun deher jaħbat ma’ id Willy Boly, anki jekk kien hemm distanza qasira.