Sport Waterpolo

Neptunes fil-finali tan-knock-out wara rebħa bi tbatija fuq Marsaxlokk

(Ritratt: Martin Agius)

NEPTUNES LEO VEGAS…………… 13 MARSAXLOKK BROWN’S…………. 11

(2-3), (4-3), (4-2), (2-3)

Neptunes Leo Vegas se jikkontestaw il-finali tan-knock-out kontra Sliema wara li bi tbatija għelbu lil Marsaxlokk Brown’s Pharma 13-11. B’hekk huma għadhom b’ċans li jirbħu din il-kompetizzjoni għall-ewwel darba mill-2014. Huma aċċertaw mir-rebħa proprju fl-aħħar xutt tal-logħba hekk kif Marsaxlokk baqgħu jissieltu, anki meta deher li kienu kważi maqtugħa mil-logħba.

Kuntrarju għall-partita preċedenti bejniethom, Marsaxlokk kienu fil-logħba sew fl-ewwel sessjoni u saħansitra kienu darbtejn fil-vantaġġ. Timmy Agius u Rainier Scerri wieġbu għal Darko Brguljan u wara li l-istess plejer ġab id-draw, Ivan Nagaev għamel l-iskor 3-2. Dan sakemm penalty ta’ Stevie Camilleri reġa’ għamel l-iskor indaqs.

Neptunes kienu għoddhom ħadu l-kontroll tal-logħba meta wara li Timmy Agius kien wieġeb għal Stevie Camilleri, Brguljan u doppjetta ta’ Jordan Camilleri għamlu l-iskor 7-4. Iżda gowl mill-viċin ta’ Stephen Micallef u ieħor ta’ Andrija Vlahovic wiċċ imb wiċċ ma’ Alan Borg Cole fl-aħħar minuta, taw tama ġdida lil Marsaxlokk. Fi tmiem is-sessjoni, Neptunes tilfu lil Jordan Camilleri li nwera l-karta l-ħamra mir-referee Stefan Licari għal rimarki.

Vlahovic għamel l-iskor 7-7 fil-bidu tat-tielet sessjoni iżda Neptunes baqgħu konċentrati u permezz ta’ Jeremy Abela reġgħu marru fil-vantaġġ ftit wara. Il-vantaġġ saħansitra kiber għal erba’ gowls b’doppjetta ta’ Stevie Camilleri u gowl ta’ Petar Muslim bejniethom.

Marsaxlokk ma qatgħux qalbhom u baqgħu fil-logħba grazzi għal żewġ gowls ta’ Nagaev fil-bidu tal-aħħar sessjoni. Ix-Xlukkajri baqgħu jagħmluha diffiċli għall-avversarji u anki meta Nikolai Zammit għamel l-iskor 12-10 b’anqas minn tliet minuti għat-tmiem, Vlahovic naqqas id-distakk minuta wara.

Id-distakk baqa’ ta’ gowl sal-aħħar azzjoni. Marsaxlokk tefgħu kollox fuq l-attakk, bil-gowlkiper Ryan Coleiro jingħaqad ukoll fl-attakk. Fl-aħħar tliet sekondi sar fawl fuq Nagaev u hekk kif se jiġbor il-ballun għax-xutt finali, Marsaxlokk ipprotestaw li f’żewġ okkażjonijiet Stevie Camilleri ċaħħdu milli jiġbor il-ballun, bir-referees iħallu l-logħob għaddej u proprju Camilleri għamel l-iskor finali 13-11 f’lasta vojta. Iż-żewġ timijiet komplew anki wara l-logħba b’xi battibekki bejniethom.

Neptunes: A. Borg Cole, N. Lanzon, K. Erdogan, G. Pace, P. Muslim (1), D. Brguljan (3), S. Camilleri (5), J. Camilleri (2), J. Abela (1), N. Zammit (1), S. Gialanze, M. Azzopardi, B. Busuttil, M. Castillo, A. Fenech

Marsaxlokk: R. Coleiro, J. Rizzo Naudi, L. Calleja, M. Cacici, T. Agius (2), J. Galea, A. Vlahovic (3), I. Nagaev (4), S. Micallef (1), R. Scerri (1), L. Saliba, M. Pace, F. Buhagiar, M. Martellacci, K. Galea

Referees: Stefan Licari, Arnaldo Petronilli

Ikkummenta