Futbol Sport

Nicole Sciberras tingħaqad mal-Primavera ta’ Juventus

Nicole Sciberras flimkien mal-kowċ Sergio Soldano

L-internazzjonali Maltija Nicole Sciberras ingħaqdet mal-iskwadra tal-Primavera ta’ Juventus f’dak li qed jitqies bħala wieħed mill-aqwa trasferimenti fl-istorja tal-futbol Malti. Kien Replay li fit-8 ta’ Awwissu żvela li kienu għaddejjin diskussjonijiet avvanzati biex plejer internazzjonali Maltija tingħaqad ma’ klabb ewlieni tas-Serie A fl-Italja. Replay żvela li Sergio Soldano kien wieħed mill-persuni strumentali biex seħħ dan it-trasferiment, hekk kif kollox beda meta hu bagħat filmat bl-aqwa azzjonijiet tagħha lill-kuntatti li hu għandu fi ħdan id-diriġenza Juventina.

B’hekk Sciberras se tkompli tilgħab fl-Italja wara li fl-istaġun li għadda lagħbet fis-Serie C ma’ AS Grifone Giallo Verde fejn lagħbet b’mod regolari u l-iskwadra tagħha temmet il-kampjonat fit-tieni post tal-klassifika. L-iskwadra tan-nisa ta’ Juventus fl-istaġun li għadda kisbet l-unur tal-Viareggio apparti li waslet sas-semifinali tal-play-offs tal-kampjonat minkejja li hi skwadra pjuttost ġdida għall-Italja.