Sport Sport Ieħor

Paul Galea jtemm it-tieni fit-tielet tappa tal-Kampjonat tal-Mediterran

Is-sewwieq Malti Paul Galea spiċċa fit-tieni post fit-tielet tappa fil-Kampjonat tal-Mediterran li sar fil-korsa ta’ Akbuzat f’Ufa r-Russja. Galea rnexxielu joħroġ rebbieħ fl-ewwel tiġrija fuq distanza ta’ 1600 metru biż-żiemel Viking. Fit-tieni tiġrija s-sewwieqa bidlu ż-żwiemel skont l-ordni li spiċċaw l-ewwel waħda, iżda Galea ma tantx kellu xorti u spiċċa t-tieni tiġrija fis-sitt post.

Fil-klassifika overall, ħareġ rebbieħ il-Franċiż Martin Cormy li bħas-sewwieq Malti kellu rebħa bl-istess żiemel Viking. Paul Galea kien segwit mis-Serb Ivan Vukov.

Din kienet l-ewwel rebħa għal Galea barra minn Malta. Waqt li kien hemm hu ġie offrut li jsuq debba f’tiġrija normali ma’ sewwieqa Russi. F’din it-tiġrija hu spiċċa t-tieni minkejja debba li kienet diffikultuża. Galea jirritorna pajjiżna llum.

Malta rebħet l-ewwel tappa li saret f’pajjiżna fl-aħħar ta’ Marzu permezz ta’ Noel Baldacchino biex fit-tieni tappa li saret fil-korsa ta’ Ploiesti fir-Rumanija f’Lulju, Clint Vassallo rebaħ it-tieni tappa.