Futbol Sport

Sarri jikkonferma li l-iskwadra ta’ Juventus trid tonqos

Il-kowċ ta’ Juventus Maurizio Sarri kkonferma li l-iskwadra ta’ Juventus trid tonqos hekk kif plejers bħal Paulo Dybala jkomplu jissemmew li jistgħu jħallu l-klabb. L-Arġentin kien viċin li jħalli lil Juventus biex jingħaqad ma’ Manchester United jew Tottenham fil-Premier League iżda baqa’ f’Turin, tal-anqas għalissa.

Il-UEFA titlob biex kull klabb ikollu skwadra ta’ 25 plejer fl-iskwadra taċ-Champions League fosthom tal-anqas żewġ gowlkipers. Il-klabbs irid ikollhom ukoll tal-anqas erba’ plejers li żviluppaw fil-klabb u tmienja li telgħu mill-akkademji tal-pajjiż bħala parti mill-iskwadra.

Sarri qal li Dybala jista’ jkun sfurzat li jħalli l-klabb. “Nista’ nkellmu imma jekk is-suq tat-trasferimenti jieħu direzzjoni partikolari mela dak li ngħid ma jiswa xejn għaliex finalment irridu naqgħu sitt plejers.

Hu żied li jixtieq iżomm lil kulħadd iżda saħaq fuq il-fatt li ma għandhomx plejers li kibru fil-klabb. Sarri kompla li l-iskwadra se tkun magħmula minn 22 plejer u tliet gowlkipers u għalhekk jista’ jkun sfurzat li jagħmel għażliet li ma jridx jieħu. Il-kowċ Taljan faħħar il-versatilità ta’ Dybala u qal li l-plejer ta’ 25 sena kapaċi jilgħab bħala l-attakkant ċentrali fil-formazzjoni tipika tiegħu ta’ 4-3-3.