Sport Sport Ieħor

Serena Williams tirtira mill-finali tat-Tazza Rogers b’uġigħ f’daharha

(Ritratt: EPA)

Serena Williams irtirat waqt il-finali tat-Tazza Rogers b’uġigħ f’darha biex b’hekk tat it-titlu liż-żagħżugħa Bianca Andreescu. Williams li għandha 37 sena, ħalliet il-court bid-dmugħ f’għajnejha hekk kif il-Kanadiża ta’ 19-il sena kkonslatha. Hi rtirat meta kienet 3-1 minn taħt fl-ewwel set.

“Skużawni li ma stajtx nagħmilha llum. Pruvajt. Kienet sena iebsa imma nkomplu għaddejjin,” qalet it-23 darba rebbieħa ta’ Grand Slam. Andreescu li aktar kmieni din is-sena rebħet l-ewwel titlu WTA fl-Indian Wells, saret l-ewwel Kanadiża li rebħet it-Tazza Rogers mill-1969.

“Serena bikkejtni. Naf x’jiġifieri li tirtira mit-tournaments, mhux faċli. Dan ma kienx il-mod li stennejt biex nirbaħ. Int veru rebbieħa. Rajtek tirbaħ ħafna drabi, int rebbieħa fil-court u barra l-court. Bla kliem bħalissa. Din kienet ħolma li saret realtà,” qalet Andreescu wara l-logħba.

L-unika darba li Williams irtirat fil-finali ta’ logħba individwali, kien proprju fit-Tazza Rogers tas-sena 2000, is-sena li Andreescu twieldet. Williams kienet qed tfittex li tirbaħ l-ewwel titlu minn meta rritornat is-sena l-oħra wara t-twelid tat-tifla tagħha.

L-Amerikana issa tittama li tkun tajba fiżikament biex tirbaħ l-24 Grand Slam fil-karriera, fl-Open tal-Istati Uniti li jibda fis-26 ta’ Awwissu. Hi waslet sal-finali ta’ Wimbledon u tilfet kontra Simona Halep xahar ilu, iżda batiet ukoll b’injury fl-irkoppa aktar kmieni din is-sena.