Il-Gvern ta’ Muscat wera biċ-ċar li jiġi jaqa’ u jqum mill-ħarsien tal-ambjent
Wara li l-Ħadd li għadda l-gazzetta il-mument tefgħet lenti diretta fuq il-ħerba mis-siġar li l-Gvern ta’ Joseph Muscat wettaq tul il-leġiżlatura li għaddiet u matul din il-leġiżlatura fejn fil-mira kienu eluf ta’ siġar imferrxa ma’ Malta u Għawdex, illum nistgħu niżvelaw kif Josè Herrera, li hu l-Ministru għall-Ambjent, ma hu komdu assolutament xejn quddiem dak li qed jiġri iżda finalment fil-Kabinett tal-Ministri l-leħen debboli tiegħu ħadd mhu jagħti kasu.
Nistgħu niżvelaw kif Josè Herrera aktar milli hu inkwetat għall-qlugħ u t-tqaċċit tas-siġar mingħajr ebda ppjanar, hu mħasseb li dan jista’ eventwalment jirrifletti fuqu fis-sens li jkun direttament assoċjat bħala l-Ministru responsabbli mill-qerda ta’ tant eluf ta’ siġar f’pajjiżna.
Iżda hu mill-aktar evidenti li l-Ministru Josè Herrera quddiem il-Ministru tax-Xogħlijiet Ian Borg u l-Ministru tal-Kunsilli Lokali Owen Bonnici u l-Awtorità tal-Ippjanar li hi rubber stamp ta’ Kastilja, ma għandu l-ebda vuċi u l-ebda saħħa biex b’xi mod jieqaf għal dan l-isfreġju nazzjonali.
Sorsi viċin Josè Herrrera li matul il-jiem li għaddew tkellmu b’mod kunfidenzjali ma’ il-mument, żvelaw magħna kif issa s-sitwazzjoni tal-qlugħ u t-tqaċċit tas-siġar ħarbet minn taħt kull kontroll u prattikament waħdiet huma dawk il-lokalitajiet f’pajjiżna li sa issa għadhom intatti minn din il-mewġa ta’ ħerba ta’ tqaċċit ta’ siġar li issa nfirxet ma’ bosta lokalitajiet.
Skont dawn is-sorsi, Ian Borg jimpurtah biss f’xogħlijiet ta’ toroq biex hekk jidher kemm qiegħed jaħdem u kif taħt it-tmexxija tiegħu ta dehra ġdida u usa lil għadd ta’ toroq arterjali f’pajjiżna filwaqt li esperti għandhom xettiċiżmu dwar il-kwalità ta’ ċerti xogħlijiet li qed isiru.
Fil-fatt f’dan ir-rigward ċerti esperti – inkluż kuntratturi – isemmulek kif eżempju klassiku ta’ toroq li ma sarux kif mistenni huma dawk tal-bypass tal-Mellieħa u ta’ Triq il-Marfa fil-Mellieħa wkoll, fejn saru xogħlijiet ħżiena li, skont l-istess Ministru Borg, għad iridu jitranġaw.
Hemm min qiegħed jistaqsi wkoll dwar aspetti fir-rigward tat-triq li min-Naxxar tati għal San Ġwann iżda dwar dan nirrapportaw aktar ’il quddiem.
Li żgur iżda hu li prijorità għall-Ministru Ian Borg hi x-xogħlijiet tat-toroq u dan biex għada pitgħada meta terġa’ tikkarka bil-goff it-tellieqa interna għal-leadership, hu jkun jista’ jiftaħar bil-portafoll tiegħu.
Sadattant, hemm ukoll il-Ministru Owen Bonnici li għalhekk qiegħed iżomm lura u qajla jidher fil-kwistjoni għaliex finalment hu responsabbli mill-Kunsilli Lokali. Dak li jinteressa lil Owen Bonnici hu x-xogħlijiet fil-Kunsilli Lokali u allura qajla jidħol fil-kwistjoni tal-qlugħ u t-tqaċċit tas-siġar.

Ritratt: Matthew Tabone
Naturalment Josè Herrera hu għalkollox dgħajjef imbagħad fil-konfront tal-Awtorità tal-Ippjanar li hi rubber stamp ta’ Kastilja li min-naħa tagħha u bil-provi qajla qed tagħmel xi ħaġa biex tipproteġi lis-siġar.
Min-naħa l-oħra jidher li hi inkompetenti għall-aħħar u bla saħħa ta’ xejn l-Awtorità tal-Ambjent (ERA) li skont ambjentalisti li tkellimna magħhom jiddeskrivuha bħala bla snin u li qiegħda hemm għal xejn għaliex fil-mumenti tal-prova ma ssibhiex.
Quddiem dan il-kwadru kollu, dawk li tkellmu ma’ il-mument fissrulna, li Josè Herrera u dawk ta’ madwaru responsabbli mill-ambjent huma konxji li fl-aħħar snin il-Gvern ta’ Muscat wera biċ-ċar li jiġi jaqa’ u jqum mill-ħarsien tal-ambjent u elimina jew żabar b’mod salvaġġ eluf ta’ siġar li ħafna minnhom huma ta’ natura protetta.
Quddiem l-indifferenza jew l-attitudni li jiġu jaqgħu u jqumu numru ta’ kollegi tiegħu, Josè Herrera jifhem ukoll tajjeb kif bl-iskuża tal-iżvilupp, il-Gvern ma semax il-leħen ta’ dawk kollha li japprezzaw l-ambjent u saħansitra anki llum qed jissokta bil-politika tiegħu li jaqla’ siġar b’għexieren ta’ snin fuqhom, filwaqt li oħrajn qed jitqaċċtu mill-parti ta’ isfel tagħhom.
Dak li l-aktar li qed jinkwieta lil Josè Herrera hu li elezzjoni ġenerali oħra għad tasal u l-ambjentalisti għad jagħmlu kampanja sfrenata kontrih fir-rigward li dak kollu li qed iseħħ jista’ jkun deskritt biss bħala sfreġju ambjentali u attakk dirett fuq il-patrimonju ambjentali ta’ pajjiżna fejn il-Gvern, flok ma joqgħod attent biex jikkonserva s-siġar li għandna f’pajjiżna u li bosta minnhom għandhom storja twila ħafna, qed juri li għalih l-iżvilupp jiġi l-ewwel u allura l-prezz għal dan hu t-tqaċċit bla ħsieb u bl-aktar mod irresponsabbli ta’ eluf ta’ siġar. Fl-aħħar sena tqaċċtu, inqalgħu u nżabru bl-aktar mod kiefer ‘il fuq minn elf siġra.
Skont is-sorsi li tkellmu ma’ il-mument Josè Herrera hu dahru mal-ħajt fil-konfront tal-karba ġejja mill-ambjentalisti li issa ilhom is-snin iwasslu l-karba tagħhom biex l-awtoritajiet jagħrfu jitrattaw mas-siġar b’mod responsabbli għaliex għal pajjiż ċkejken bħal tagħna, dawn is-siġar għandhom importanza kbira.
Kif irrapportat il-mument il-Ħadd li għadda, l-ambjentalisti huma voċiferi u qed jinsistu li: “Issa l-karba tagħna jirriżulta li dejjem qed taqa’ fuq widnejn torox għaliex il-Gvern qed jissokta jirrombla u jqaċċat is-siġar mingħajr ebda skrupli. U dan japplika prattikament għal kull lokalità f’Malta fejn minħabba żviluppi infrastrutturali li qed jagħmel fil-pajjiż, fosthom żviluppi marbuta ma’ bini ta’ toroq u anki bini ta’ infrastrutturi kbar… qed jispiċċaw fil-mira siġar maturi u antiki.”
L-ambjentalisti ripetutament qed jinsistu li l-Gvern ma għandu l-ebda intenzjoni li jisma’ l-vuċi tagħhom u ta’ dawk kollha li jitkellmu favur il-ħarsien u l-konservazzjoni tas-siġar f’pajjiżna. “Dan qiegħed ikompli jurih sa dawn il-jiem stess – ara x’ġara f’Santa Luċija – meta qed ikompli jqaċċat is-siġar bla ebda skruplu ta’ xejn.”
Finalment l-istess ambjentalisti ma jifhmux id-dgħjufija tal-Ministru Josè Herrera u qed jargumentaw li fil-Kabinett tal-Ministri, il-Ministru suppost responsabbli mill-Ambjent suppost għandu l-istess saħħa jew aktar tal-Ministru responsabbli mill-Iżvilupp u x-Xogħlijiet. Jiġifieri, il-Ministru Josè Herrera jew ma hux għall-altezza tal-portafoll li għalih hu responsabbli, jew mhux vera jemmen fl-importanza tal-ambjent u s-siġar għal pajjiżna, jew li ministri oħra qed jirromblaw minn fuqu bil-barka tal-Prim Ministru Muscat.

Ritratt: Matthew Tabone