Lokali

18,000 tifel u tifla fir-riskju tal-faqar – Clifton Grima jiddikjara li “t-triq għat-telgħa”


F’pajjiżna, mat-18,000 tifel u tifla jinsabu f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali. Dan joħroġ mic-cifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika fejn jidher biċ-ċar li l-ġid u s-surplus li tant jiftaħar bih il-Gvern ta’ Joseph Muscat mhux jasal għand kulħadd.

Issa anke s-Segretarju Parlamentari responsabbli miż-Żgħażagħ, Clifton Grima, spicca jammetti li quddiem din is-sitwazzjoni, it-triq hi waħda għat-telgħa.

“Inkun komdu u kuntent biss meta naraw li m’hemm ħadd f’dan ir-riskju. Ovjament it-triq hi dejjem għat-telgħa,” iddikjara s-Segretarju Parlamentari.

Mistoqsi minn dan l-istazzjon, Clifton Grima jiddikjara li ċ-ċifra ta’ 18,000 tifel u tifla f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali mhix wahda baxxa. “Ħadd mhu qed jgħid li hu numru żgħir. Naħseb li tajjeb li wieħed jara l-istatistika li kien hawn fl-aħħar snin.”

L-istatistika turi li f’pajjiżna għandna 78,685 persuna li qegħdin f’riskju ta’ faqar – rata ta’ 16.8% tal-popolazzjoni li tinsab f’riskju ta’ faqar.  In-numri juru żieda mill-aħħar stħarriġ li juri wkoll kif 113,238 persuna jinsabu f’riskju ta’ faqar jekk teskludi benefiċji bħall-pensjoni.

Ta’ min wieħed ifakkar li l-istatistika titratta l-2017 u parti mill-2018, ferm qabel għolew il-prezzijiet tal-petrol u d-diesel, il-ħalib, il-prodotti tal-ħalib, il-ħobż, il-posta u l-pastizzi fost oħrajn.