Lokali

AĠĠORNATA: Mistennija jiddaħħlu dalwaqt it-8 immigranti li aċċetta l-Gvern

F’dawn is-sigħat se ssir l-evakwazzjoni ta’ żewġ nisa minn fuq il-vapur tal-Open Arms wara li sar magħruf illi jeħtieġ jingħataw attenzjoni medika speċjalizzata. B’kollox 8 persuni se jkunu evakwati, sabiex familji ma jinfirdux.

Fuq Twitter, l-NGO qalet li Malta qed tieħu f’idejha din l-evakwazzjoni.

Minkejja li ħarġet din l-aħbar, NET NEWS kien infurmat għall-ewwel, l-armata Maltija ma kellha ebda direzzjoni dwar kif se tipproċedi din l-operazzjoni. Iżda fi stqarrija ftit tal-minuti ilu, il-Forzi Armati qalet li titrasporta t-8 immigranti abbord il-bastiment P21 u mistennija jiddaħħlu f’Xatt it-Tiben għall-ħabta tal-5 ta’ waranofsinhar.

Stqarrija mill-Kummissarju għat-Tfal

L-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal qed isegwi mill-qrib is-sitwazzjoni tal-160 persunaabbord il-vapur Open Arms li ilu fl-ibħra internazzjonali mit-2 ta’ Awwissu. L-Uffiċċju jinsab imħasseb għax jemmen li d-dritt fundamentali għas-saħħa u sigurta’ ta’ dawk kollha fuq il-vapur speċjalment it-tfal u l-minuri mhux akkompanjati, għandu jisboq kull argument politiku li qed iżżomm milli dawn in-nies jiżbarkaw b’mod sigur.

L-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal qiegħed jappella lill-mexxejja politiċi kollha, kemm dawk nazzjonali kif ukoll Ewropej, sabiex ikunu solidari u jikkoperaw fuq livell umanitarju biex il-ħajja ta’ dawn in-nies tiġi mħarsa u jitħallew jiżbarkaw.