Red Bull ħatru lil Alexander Albon bħala sewwieq ġdid ta’ Red Bull u rrelegaw lil Pierre Gasly mat-tieni tagħhom Toro Rosso f’deċiżjoni li turi l-kuraġġ tat-tim li jieħu deċiżjonijiet importanti. Din il-bidla se tidħol fis-seħħ b’effett immedjat u għalhekk meta l-istaġun tal-Formula 1 ikompli fil-Belġju lejn tmiem dan ix-xahar, Albon se jkun parti mit-tim ta’ Red Bull flimkien ma’ Max Verstappen.
Gasly ġie promoss ma’ Red Bull bħala s-sostitut ta’ Daniel Ricciardo li kien ingħaqad ma’ Renault. Iżda ż-żagħżugħ naqas li jikseb l-istess riżultati ta’ Verstappen u anki jekk din id-deċiżjoni tista’ tkun iebsa miegħu, fl-istess ħin kienet mistennija.
Il-Prinċipal tat-Tim Christian Horner kien qal wara l-aħħar Grand Prix tal-Ungerija li l-intenzjoni tagħhom kienet li jħallu lil Gasly sal-aħħar tas-sena. Fl-aħħar Grand Prix, Gasly beda ms-sitt post u kien distakkat 0.8 ta’ sekonda minn Verstappen. Waqt it-tellieqa spiċċa wara Carlos Sainz ta’ McLaren.
Sa issa hu kiseb 63 punt filwaqt li Max Verstappen rebaħ 181 punt u dan il-fatt qed itellef mhux ftit lil Red Bull fil-battalja ma’ Ferrari għat-tieni post fil-kampjonat tal-kostrutturi.

B’hekk Gasly se jirritorna ma’ Toro Rosso u se jkun sieħeb Daniil Kvyat fit-tim, sewwieq li fil-passat sofra l-istess destin meta kien mibdul minn Max Verstappen fl-2016. Albon għamel id-debutt fil-Formula 1 f’dan l-istaġun u għalkemm impressjona f’dan l-istaġun, hu kiseb anqas punti minn Kvyat.
Fi stqarrija, Red Bull qalu li se jużaw l-aħħar disa’ tlielaq tal-istaġun biex jagħmlu evalwazzjoni tal-prestazzjonijiet ta’ Albon, qabel jieħdu deċiżjoni dwar min se jkun fit-tim ma’ Verstappen is-sena d-dieħla.
//= $special ?>