Lokali

Anthony Agius Decelis ma jgħidx x’żidiet se jingħataw lill-anzjani

Statistika tal-NSO ippubblikata fl-aħħar jiem turi kif f’pajjiżna għandna 36,000 persuna li m’għandhomx biżżejjed flus biex iżommu darhom sħuna fix-xitwa.

Dan filwaqt li 27,000 persuna ma jaffordjawx jieklu ikel san bħal laħam, tiġieġ, ħut jew ħaxix. Fiż-żewġ kategoriji, l-anzjani huma l-iktar vulnerabbli.

Kien fid-dawl ta’ dan li In-Nazzjon staqsa lis-Segretarju Parlamentari responsabbli għall-Anzjani, Anthony Agius Decelis, biex jgħidilna kemm jaħseb li għandha tkun iż-żieda fil-baġit li jmiss. Madankollu naqas milli jwieġeb għal din id-domanda diretta u ma’ dan il-ġurnal qal biss li “l-Gvern, bil-makkinarji li għandu f’posthom, qed jagħmlu l-kalkoli.”

U waqt li dar lejn l-uffiċjal tal-komunikazzjoni tiegħu biex jipprova jsib rifuġju, Agius Decelis ftaħar li l-baġits preċedenti, skont hu, ma kienx fihom taxxi.

Iżda kif kulħadd jaf, iż-żidiet fl-affarijiet l-iktar bażiċi, bħall-petrol u d-diesel, il-ħalib, il-ħobż, u l-posta fost oħrajn daħlu wara l-baġit.

Dawn iż-żidiet, li jolqtu sew lill-anzjani, lanqas biss kienu nklużi fl-istudju dwar il-persuni f’riskju ta’ faqar hekk kif l-istatistika tħares lejn l-2017 u parti mill-2018.