Għawdex Lokali

“Diżorganizzazzjoni fil-port taċ-Ċirkewwa”

Nies li qed jaqsmu lejn Għawdex għall-ġimgħa ta’ Santa Marija spiċċaw b’martirju quddiemhom meta ħasbu li s-sitwazzjoni tal-kjuwijiet bil-vapur Grieg kienet issolviet. Dan fil-fatt mhuwiex il-każ.

Ħafna persuni li kkuntatjaw lil Net News qalulna li hemm diżorganizzazjoni sħiħa fil-port taċ-Ċirkewwa, bil-vapur Nikolaos – meta hemm għexieren ta’ karozzi jistennew – jinsab wieqaf.

Jidher li din hi xi ħaġa ‘normali’ għaliex l-ekwipaġġ Grieg jaħdem biss erba’ sigħat filgħodu u erba’ sigħat filgħaxija. “Imma l-Gozo Channel missha kienet preparata għall-fatt li f’Santa Marija jkollok volumi akbar”, qalilna wieħed mis-sewwieqa.

Mara oħra spjegatilna li huwa għalxejn il-ftaħir tal-Ministru għal Għawdex meta bħalissa l-vapur Grieg qiegħed wieqaf fil-port.