Sport Sport Ieħor

Elia Viviani jirbaħ il-Kampjonat Ewropew

(Ritratt: EPA)

Iċ-ċiklist Taljan Elia Viviani rebaħ il-Kampjonat Ewropew fl-aħħar ġurnata f’Alkmaar fl-Olanda. L-attenzjoni kienet fuq it-tellieqa individwali tat-triq fuq medda ta’ 172.6 kilometri, 45 minnhom fil-kampanja u l-bqija ċirkwit ta’ 11.5 kilometru għal ħdax-il darba. It-tellieqa bdiet b’minuta silenzju għal Bjorg Lambrecht li miet ftit tal-ġranet ilu fl-età ta’ 22 sena.

Sal-aħħar 25 kilometru kien hemm distakk ta’ 30 sekonda biss bejn 13-il ċiklist. Tliet kilometri mit-tmiem, Viviani fetaħ attakk wara li fl-aħħar 25 kilometru żamm il-pass ma’ Lampaert u Ackerman. Fi sprint finali, Viviani temm fi tliet sigħat 30 minuta u 52 sekonda qabel il-Belġjan Yves Lampaert b’distakk minimu ta’ sekonda filwaqt li tmien sekondi wara, daħal fit-tielet post Pascal Ackermann tal-Ġermanja.

B’hekk Viviani spiċċa rebbieħ wara li sentejn ilu kien temm it-tieni. Ir-rebbieħ tal-edizzjoni tas-sena l-oħra Matteo Trentin spiċċa fis-seba’ post.