Lokali

Pastizzar fil-periklu tal-mewt wara daqqa ta’ sikkina f’għonqu

Il-vittma rnexxilu jaħrab mill-pastizzerija li kien qed jaħdem fiha, qasam it-triq u talab għall-assistenza medika fl-għassa tal-pulizija, filwaqt li l-aggressur baqa' jistennih bis-sikkina f'idu barra l-għassa.

F’dak li jidher li kien attentat ta’ serqa f’pastizzerija wassal sabiex pastizzar sofra feriti serji u jinsab fil-periklu tal-mewt wara daqqa ta’ sikkina li qala.

Il-każ żviluppa għall-ħabta tal-11am meta l-pastizzar, Nicky Bezzina ta’ 52 sena residenti Birżebbuġa qasam it-triq u daħal fl-Għassa tal-Pulizija ta’ Ħal Luqa jitlob l-assistenza medika wara li ġie agredit.

Minn stħarriġ preliminari illi sar, irriżulta li ftit qabel il-vittma kien għadu kemm safa’ ferut b’arma li taqta’ u bil-ponta waqt li kien ġewwa pastizzerija li tinsab fi Triq id-9 ta’April, Ħal Luqa stess.

Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lil vittma l-isptar Mater Dei sabiex jingħata l-kura meħtieġa. Aktar tard huwa ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi serji, inkluz ferita kbira li ghandu f’ghonqu.

L-agressur, Gordon Cutajar ta’ 44 sena residenti Ħal Luqa, jidher li minflok ħarab minn fuq il-post mexa wara l-vittma u baqa’ jistennih barra l-għassa bis-sikkina f’idu. Madanakollu, kif ra lil pulizija ħierġin mill-għassa biex jarrestawh, ħarab minn fuq il-post b’karozza. Ftit tal-ħin wara hu nstab id-dar tiegħu u ġie arrestat.

Hu qiegħed jinżamm mill-Pulizija għal iktar investigazzjoni … filwaqt li l-Maġistrat tal-Għassa Joe Mifsud qed imexxi inkjesta. Aktar tard fil-post marru wkoll l-esperti tal-forensika illi elevaw marki tas-swaba’ u evidenza oħra.

Ritratti: Matthew Tabone