Internazzjonali

Giammattei elett President ġdid tal-Gwatemala

Il-kandidat Konservattiv Alejandro Giammattei kien elett President tal-Gwatemala, bir-riżultati preliminarji juru li hu rebaħ 59 fil-mija fil-vot kontra l-41 fil-mija għal Sandra Torres — il-kandidat taċ-ċentru-xellug u l-avversarja ewlenija tiegħu.

Torres, li hi l-eks First Lady tal-Gwatemala, kienet rebħet l-ewwel rawnd tal-elezzjoni f’Ġunju u kienet qed tikkuntesta għall-Presidenza għat-tielet darba. Intant, dan kien ir-raba’ tentattiv għal Giammattei, li hu l-eks kap tal-ħabsijiet ta’ pajjiżu.

Giammattei ġie elett għal terminu wieħed ta’ erba’ snin fejn qed jieħu post Jimmy Morales li qiegħed jispiċċa minn President.

Intant, il-konkorrenza tal-votanti kienet baxxa, bl-elettorat jispiċċa diżilluż bl-amministrazzjoni ta’ Morales u fost ix-xettiċiżmu dwar il-korruzzjoni.

Min-naħa tiegħu, Giammattei irid jara x’jista’ isir għal titjib fi ftehim milħuq minn  Morales u l-President Amerikan, Donald Trump, u li qed jaħseb biex irażżan l-immigrazzjoni lejn l-Istati Uniti, bl-użu tal-Gwatemala bħala ‘buffer zone’.