Lokali

“Gvern b’mentalità medjokri u bla pjan”

L-Editorjal tat-Tnejn tat-Times of Malta jagħti ħasla lill-Gvern ta’ Joseph Muscat dwar in-nuqqas kbir ta’ pjanar u l-immaniġjar ħażin fil-qasam edukattiv u tal-infrastruttura f’pajjiżna.

Fost l-oħrajn, isemmi l-kontejners dejjem jiżdiedu fl-iskejjel tagħna, kawża taż-żieda allarmanti tal-popolazzjoni studenteska f’daqqa; kontejners li huma sintomatiċi mal-inabbiltà tal-Gvern li jagħmel pjan strateġiku fl-edukazzjoni.

L-iskuża li ġab il-Gvern għall-każ tal-kontejners fl-Iskola ta’ San Pawl kienet li l-iskola l-ġdida fil-Qawra għadha mhix lesta, izda issa għar-4 darba se terġa’ tinqabeż id-data skedata ta’ tlestija. Għahekk l-Editur staqsa x’kienet ir-raġuni li żdiedu l-kontejners f’daqqa fl-iskola primarja tar-Rabat u l-iskola sekondarja tal-Imrieħel ….u jekk dawn jinkwadrawx fil-pjanijiet fit-tul tal-Gvern fl-edukazzjoni.

Fil-kummentarju tiegħu, l-Editur attribwixxa dan id-dewmien mal-immaġinjar ħażin ħafna fil-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada, li hija mifnija ukoll b’allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni mill-Kap Eżekuttiv taghha stess.

Xempju ieħor ta’ immanġijar ħażin huwa dewmien fit-tlestija tal-Iskola l-ġdida tar-Rabat Għawdex, bl-iskuża din id-darba tkun is-sejbien arkeoloġiċi riċenti.

L-Editur nissel dubji serji ukoll dwar il-kapaċità tal-Gvern li jippjana fl-edukazzjoni, lil hinn minn materji infrastrutturali, inkluz dwar in-nuqqas tal-Ministru li jagħti garanzija li r-riforma edukattiva My Journey fl-iskejjel sekondarji tal-istat hija mħejjija sew u se tiġi implimentata mingħajr skossi. Dan fid-dawl tal-fatt li l-Gvern qed jipprova jdaħħal miżuri ġodda b’mod mgħaġġel u bla pjan fir-riforma.

Imbagħad, l-Editur jibda jsemmi kif din il-kritika ġustifikata kollha tiġi ttimbrata mill-Gvern bħala negattiva….kif ghamel il-Gvern ghall-kritika fuq il-proġetti tas-Central Link u l-mina l-ġdida ta’ Santa Luċija.

L-Editorjal temm jgħid li l-klassijiet-kontejners huma x-xempju tal-medjokrità li waqa’ fiha l-Gvern fl-edukazzjoni.