Ambjent Lokali Parlament

Il-Gvern ma jridx jiddiskuti l-qerda tas-siġar

Il-Gvern imblokka d-diskussjoni f'Kumitat Parlamentari tal-Ambjent u l-Ippjanar

Il-Gvern imblokka d-diskussjoni dwar il-materja tal-qerda u l-qtugħ tas-siġar f’pajjiżna fil-Kumitat Parlamentari għall-Ambjent u l-Ippjanar.

Alex Muscat, iċ-Ċerman tal-Kumitat baqa’ jinsisti li din il-materja ma tistax tkun diskussaa minħabba ruling tal-ispeaker li ma jippermettix li jsir dan.

Fl-istess kumitat il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Ambjent, l-Affarijiet Marittimi u l-Green Initiatives Jason Azzopardi qal li ma jistax ikun li dan l-isfreġju ambjentali ma jiġix diskuss f’kumitat li suppost jiddiskuti dawn l-affarjiet. Hawn infatti huwa saqsa bosta drabi, jekk l-istess Kumitat hux suppost jaħdem b’dan il-mod, u jekk il-kumitat huwiex biss grupp li jimxi skont dak li jgħidu l-Awtorità tal-Ippjanar u l-Awtorità tal-Ambjent.

Ta’ min wieħed jinnota li fl-aħħar jiem kompliet it-traġedja ambjentali li qed titwettaq fil-lokalità ta’ Santa Luċija, fejn numru kbir ta’ siġar spiċċaw maqtugħa u mqaċċta sabiex jieħu posthom it-tħaffir, il-konkrit u l-asfalt b’rabta ma’ proġett infrastrutturali.

Din ix-xena qed titqies minn ħafna bħala l-ipokrezija tal-Gvern Laburista fejn lura fl-2013 kien wiegħed li l-ambjent kellu jkun prijorità.

Fl-aħħar jiem kienu diversi il-persuni li komplew juru d-dieqa tagħhom lejn din id-distruzzjoni sfrenata tal-ambjent.

Ta’ min wieħed jinnota li parti kbira minn masġar li sa tlett snin ilu ġie mniedi mill-Gvern Laburista bħala jogging track, issa intilef darba għal dejjem.

Għaldaqstant bosta siġar maturi nqerdu għal kollox minħabba l-fatt li ladarba jinqalgħu mill-art dawn ma jgħixux aktar.