Lokali

Il-maġġoranza taż-żgħażagħ imħassba

F’pajjiżna, iktar minn 81% taż-żgħażagħ huma b’xi mod imħassba dwar il-faqar, id-diskriminazzjoni u n-nuqqas ta’ opportunitajiet offruti lilhom.

Dan joħroġ minn riċerka li grupp ta’ żgħażagħ wettqu bħala parti mill-proġett Polifest – Your Voice Counts fejn 900 żagħżugħ u żagħżugħa kellhom l-opportunità li jsemmgħu leħinhom dwar temi kurrenti.

Mill-istess riċerka joħroġ ukoll li iktar minn terz taż-żgħażagħ Maltin ta’ eta’ bejn is-16 u t-tletin sena mhux sodisfatti bl-opportunitajiet ta’ xogħol offruti lilhom.

Kważi 22% jiddikjaraw li mhux sodisfatti lanqas bl-opportunitajiet ta’ studju jew tagħlim li għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom.

Ir-riżultati ta’ din ir-riċerka kienu ppreżentati minn numru ta’ youth workers tal-Aġenzija Żgħażagħ li ħadmu fuq dan il-proġett.

Mid-900 persuna li kienu ntervistati, sar magħruf ukoll li ftit iktar minn 5% minnhom la jattendu skola u lanqas jaħdmu waqt li iktar minn 16% jaħdmu waqt li jistudjaw.

Minn dawk l-istudenti li jistudjaw fuq bażi full time imma jaħdmu part time, iktar minn 68% jiddikjaraw li jagħmlu dan biex ikunu indipendenti finanzjarjament.

Huma biss 18.5% minn dawk li rrispondew li jiddikjaraw li huma biss studenti, u allura ma jaħdmux. Fid-dawl ta’ dan, madwar terz jiddikjaraw li m’għandhomx biżżejjed ħin disponibbli biex jagħmlu dak li jixtiequ.

F’pajjiżna għandna wkoll kważi 18% taż-żgħażagħ li jiddikjaraw li l-edukazzjoni li rċivew ma ppreparathomx sew għat-tranżizzjoni bejn l-iskola u x-xogħol.

Net News tkellem ma’ waħda miż-żgħażagħ li ħadmu fuq dan il-proġett, Francine Farrugia.

Din ir-riċerka hi parti mill-politika ġdida dwar iż-żgħażagħ li qed tħejji l-Aġenzija Żgħażagħ, bir-riżultati li mistennija jkunu utilizzati wkoll fuq livell nazzjonali biex titfassal politika aġġornata  li tolqot il-bżonnijiet taż-żgħażagħ.