L-Ajruport Internazzjonali ta’ Hong Kong kellu jħassar numru kbir ta’ titjiriet meta d-dimostrazzjonijiet ta’ kontra l-Gvern li kienu qed għaddejjin fit-terminal ewlieni tat-territorju komplew għar-raba’ jum konsekuttiv.
Eluf ta’ nies inġabru fl-ajruport (fost l-akbar fid-dinja), bl-uffiċjali joħorġu stqarrija pubblika biex iwissu li l-iskeda tat-titjiriet kienet ‘tħarbtet minħabba l-aġir tad-dimostranti’. Skont l-indikazzjonijiet, talanqas 100 titjira li kienu skedati għal ċertu ħin ma setgħux jitilqu mill-ajruport, bl-uffiċjali javżaw lill-pubbliku biex ma jivvjaġġawx lejn it-terminal, avolja tħallew jinżlu l-ajruplani li kienu diġà fi triqthom lejn Hong Kong.
Ħafna min-nies li qegħdin jipprotestaw f’Hong Kong huma kritiċi tal-azzjonijiet tal-pulizija li, nhar il-Ħadd, kienu sparaw il-gass tad-dmugħ u l-munizzjon (tat-tip li ma joqtolx) għal fuq id-dimostranti.
Fl-2018, mal-75 miljun passiġġier għaddew mill-ajruport inkwistjoni li hu hub internazzjonali ewlieni għall-ivvjaġġar. Intant, l-aħħar rapporti, ilbieraħ, qalu li kien hemm ‘il fuq minn 5,000 dimostrant fit-terminal tal-passiġġieri.
Id-dimostrazzjonijiet tal-massa li ilhom għaddejjin il-ġimgħat kontra l-Gvern ta’ Hong Kong ma jidhrux li qegħdin jonqsu mill-intensità. Dan wara ‘il fuq minn xahrejn ta’ protesti li qamu minħabba abbozz kontroversjali intiż biex iħaffef l-estradizzjoni ta’ ċittadini minn Hong Kong lejn iċ-Ċina għal hekk-imsejħa ‘proċessi ġudizzjarji’.
Sadanittant, iċ-Ċina esprimiet l-għadab għall-aħħar vjolenza f’Hong Kong u qabblet id-dimostranti vjolenti mat-‘terroristi’.
Nhar il-Ħadd, f’Hong Kong, inqalgħu wħud mill-agħar inċidenti meta dimostranti li kienu qed imexxu rally fl-inħawi ta’ Victoria Park imxew tul triq prinċipali minkejja li kienu projbiti li jagħmlu hekk mill-pulizija. Inqalgħu l-konfronti f’diversi distretti ċentrali, bil-pulizija fid-distrett ta’ Wan Chai jagħtu s-salt lid-dimostranti li kienu qed iwaddbulhom il-bombi tal-petrol u l-ġebel.
Numru ta’ nies, fosthom pulizija, weġġgħu fil-konfronti, bil-filmati juru lill-qawwiet tal-liġi qegħdin jassedjaw lill-istazzjonijiet tal-ferrovija huma u jisparaw il-gass tad-dmugħ.
Filwaqt li l-protesti f’Hong Kong qegħdin isiru dejjem aktar vjolenti, ma daħlux rapporti dwar xi arresti waqt il-jiem preċedenti tad-dimostrazzjonijiet fl-ajruport.
Dan meta l-awtoritajiet komunisti fiċ-Ċina qegħdin jikkundannaw lid-dimostranti bl-aktar lingwaġġ qawwi u fejn qalu li ‘il-folol f’Hong Kong qegħdin ikissru sfaċċatament is-sistemi għaż-żamma tal-liġi u l-ordni.’
//= $special ?>