Raġel ta’ 21 sena tressaq il-qorti f’Oslo fejn kien akkużat dwar azzjoni terroristika b’konnessjoni mal-attakk ta’ tmiem il-ġimgħa fuq moskea.
L-akkużat, Philip Manshaus – li spiċċa b’wiċċu u għonqu markati bit-tbenġil u l-grif – kien anki akkużat b’attentat ta’ qtil u bl-omiċidju ta’ oħtu tar-rispett, bil-każ tiegħu jinstama’ minn imħallef wara l-bibien magħluqa.
Intant, Manshaus se jibqa’ miżmum taħt arrest għal erba’ ġimgħat oħra, bħalma qed jitolbu l-prosekuturi.
Philip Manshaus hu akkużat b’li fetaħ in-nar fuq iċ-Ċentru Iżlamiku ta’ Al-Noor f’Baerum, lejn il-Punent ta’ Oslo.
L-inċident seħħ nhar is-Sibt li għadda u ftit wara l-attakk, kien instab il-katavru ta’ oħtu tar-rispett ġo residenza f’Baerum.
Meta seħħet l-isparatura fuq il-moskea kien hemm talanqas tliet persuni fil-bini, bl-aggressur, ftit wara, jispiċċa megħlub u mrażżan qabel waslu fuq il-post il-pulizija.
Ir-rapporti qalu li kien eks uffiċjal tal-qawwiet tal-ajru rtirat li konfronta lill-aggressur u ħadlu l-armi. L-aggressur, fil-ħin tal-attakk, kien liebes tip ta’ body armour u kien qed iġorr diversi armi tan-nar. Sadanittant, kien biss b’xorti tajba li ħadd ma weġġa serjament fl-isparatura.
L-aħħar rapporti qalu li s-suspettat qed jiċħad għall-akkużi kriminali u mhux ikellem lill-investigaturi.
Jidher ukoll li Philip Manshaus għandu fehmiet politiċi estremisti waqt li hu kontra l-immigrazzjoni.
Għalkemm is-servizzi tas-sigurtà fin-Norveġja, sena ilu, kienet waslitilhom ċerta informazzjoni dwar is-suspettat, ma kien hemm xejn x’jissuġġerixxi li hu seta’ kien qed jippjana attakk ta’ dan it-tip. L-investigazzjonijiet dwar l-isparatura qed ikomplu.
//= $special ?>