Ir-residenti ta’ Santa Luċija għandhom kull dritt li jkunu jafu għaliex siġar li nqalgħu ftit jiem ilu minn din il-lokalità minn Infrastructure Malta, li hija taħt ir-responsabbiltà tal-Ministru Ian Borg, ittieħdu sabiex jitħawwlu f’Ħad-Dingli ġo għalqa privata u li mhix tal-Gvern, b’mod temporanju. Dan sostnieh il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija maħruġa mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Ambjent, l-Affarijiet Marittimi u l-Green Initiatives Jason Azzopardi.
Ir-residenti ta’ Santa Luċija għandhom ikunu jafu wkoll għalfejn intgħażlet propju din l-għalqa f’Ħad-Dingli, jekk hemmx postijiet oħrajn li ġew individwati sabiex jitħawwlu dawn is-siġar li qed jinqalgħu minn Santa Luċija, kif u kemm ġew magħżula postijiet minn Infrastructure Malta, x’garanzija qiegħed jagħti l-Gvern li din hija biss miżura temporanja u x’garanziji se jagħti li s-siġar jerġgħu jsibu posthom f’Santa Luċija.
L-Oppożizzjoni tesiġi li l-Gvern ma jkomplix bil-politika tal-ħabi, kif qed jagħmel f’dan il-proġett ta’ Santa Luċija, li se jfisser il-qerda ta’ kwazi 500 siġra. Qerda li setgħet tiġi evitata li kieku l-Gvern għamel konsultazzjoni minn qabel. Il-Gvern għandu jgħid il-verità kollha dwar id-deċiżjonijiet li qegħdin jittieħdu.
//= $special ?>