Lokali

L-Inċident tat-Tfigħ tal-Bajd: Xena inkwetanti ta’ dominazzjoni u umiljazzjoni

Il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza tikkundanna u tesprimi tħassib sejru dwar iċ-cirkulazzjoni ta’ vidjow li juri mara qed tiġi ssuttata bil-bajd minn irġiel waqt bacherlor’s party.  Dan l-inċident huwa deplorabbli fuq kull livell. Din il-mara mhux biss sfat abbużata u umiljata, iżda din l-aggressjoni ġiet ukoll iffilmjata u ċċirkulata. Huwa verament inkwetanti li hemm min isib pjaċir f’li jirredikola u jweġġa’ lil ħaddieħor u sa anka jasal biex jiftaħar b’din l-imġieba.

Il-ġustifikazzjoni tal-organizzaturi li dan l-abbuż twettaq bil-kunsens tal-vittma u bi ħlas bl-ebda mod ma tbiddel in-natura ta’ dan l-inċident: grupp ta’ rġiel ħassewhom fid-dritt li “jixtru” mara potenzjalment vulnerabbli, u ħadu gost jaggreduha, jirredikolawha u jiddisprezzaw id-dinjità tagħha. Barra minn dan, il-vidjow juri lill-mara titlob lil min qed jabbużaha biex jieqaf. Din kellha tkun ċelebrazzjoni għaż-żwieġ ta’ wieħed mill-irġiel ma’ mara.

It-tfigħ tal-bajd fuq mara kienet xena inkwetanti ta’ dominazzjoni u umiljazzjoni li tirrifletti u tirrinforza l-poter tal-irġiel fuq in-nisa fis-soċjetà Maltija. Dan jorbot mill-qrib mar-rappreżentazzjoni kontinwa tan-nisa bħala oġġett għall-pjaċir tal-irġiel kif ukoll mal-inugwaljanza fir-relazzjoniiet bejn in-nisa u l-irġiel li jilleġittimaw u jinnormalizaw dan l-aġir.

Dan il-vidjow huwa evidenza ċara tal-bżonn urġenti sabiex naħdmu għal soċjetà fejn kemm in-nisa kemm l-irġiel ikunu ugwalment trattati b’mod dinjituż biex b’hekk kulħadd iħossu sikur u rrispettat fil-ħajja ta’ kuljum.

L-NCPE tħeġġeġ lill-awtoritajiet sabiex jieħdu l-azzjoni neċessarja.