Il-Ministru Iranjan għall-Affarijiet Barranin, Mohammad Javad Zarif, akkuża lill-Istati Uniti b’li qed tibdel lir-reġjun tal-Golf ‘f’zona fejn kapaċi tiżbroffa vjolenza kbira fi kwalunkwe ħin’.
It-twissija ngħatat meta t-traffiku tat-tankers taż-żejt mill-Golf – permezz tal-Baħar ta’ Hormuz – sar l-aktar kwistjoni delikata fil-konfront li żviluppa bejn l-Istati Uniti u l-Iran mindu Washington irtira mill-ftehim nukleari storiku tal-2015 bejn il-potenzi tad-dinja u r-reġim f’Tehran. Is-sitwazzjoni kompliet tiggrava bl-impożizzjoni tas-sanzjonijiet (min-naħa tal-Amerikani) li qed jostakolaw l-importazzjoni taż-żejt mill-Iran.
Wara li numru ta’ tankers ġarrbu l-ħsarat b’kaġun ta’ splużjonijiet li seħħew f’Mejju u Ġunju li għadda, l-Istati Uniti bdiet missjoni għal ‘sigurtà marittima’ fil-Golf, bil-għan li tipproteġi lill-bastimenti merkantili.
Il-missjoni qed issir ukoll bis-sehem tar-Renju Unit u l-Minsitru Zarif, f’diskors irrappurtat mill-Al Jazeera, qal li l-Baħar ta’ Hormuz għandu jitlef mis-sigurtà f’sitwazzjoni fejn tiżdied il-preżenza tal-qawwiet navali barranin.
‘Ir-reġjun ( tal-Golf) jinsab kważi f’xifer li jisplodi minħabba li l-Amerikani u l-alleati tagħhom qegħdin jimlew dan ir-reġjun bl-armanenti’, sostna Zarif.
Ir-rapporti qalu wkoll li Javad Zarif wassal il-messaġġ speċifiku waqt laqgħa fil-Qatar mal-Emir Tamim bin Hamad Al-Thani. Il-Qatar, li qed iżomm waħda mill-akbar bażijiet militari fil-Lvant Nofsani, qed jipprova ma jkunx involut fl-istat ta’ konflitt li qed jeskala bejn Washington u Tehran.
//= $special ?>