Lokali Qorti

Ma nstabx ħati li qatel mara li mietet sentejn wara l-inċident

Il-Qorti fi Triq ir-Repubblika, il-Belt Valletta

Żagħżugħ li kien mixli bil-qtil ta’ mara li mietet sentejn wara ħabta fl-Imsida ngħata multa ta’ 3,000 ewro.

Emerson Vella ma nstabx ħati li kkaġuna l-mewt tal-mara iżda l-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Joseph Mifsud sabitu ħati li saq bi traskuraġni.

Huwa kien qed isuq karozza Volkswagen Golf fi Triq Dun Karm nhar id-9 ta’ Marzu fis-1:30am meta baqa’ dieħel fil-karozza ta’ Catherine Fenech minn Birkirkara.

Il-vittma kienet fit-triq tgħin lil binha li kienet waqfitlu l-karozza tiegħu.

Il-mara kienet għamlet xi żmien fil-periklu tal-mewt u mietet fl-1 t’April tal-2017, ftit aktar minn sentejn wara l-inċident.

Iż-żagħżugħ kien ġie mixli wkoll li kien qed isuq taħt l-effett tal-alkoħol.

Apparti l-multa imposta fuqu, il-Qorti skwalifikat il-liċenzja tal-imputat għal sena.

L-akkużat ġie assistit mill-avukati Franco Debono u Amadeus Cachia.