Futbol Sport

Pogba jħalli dubji fuq il-permanenza tiegħu ma’ Manchester United

(Ritratt: Premier League)

Paul Pogba qal li għad hemm dubji fuq il-futur tiegħu iżda saħaq li se jkompli jagħti kollox għal Manchester United sakemm jibqa’ f’Old Trafford. Kemm Pogba kif ukoll l-aġent tiegħu Mino Raiola t-tnejn qalu f’dan is-sajf li l-midfielder irid iħalli l-klabb għal esperjenza ġdida wara tliet snin.

Il-klabb Ingliż irrifjuta offerta mingħand Real Madrid ta’ €30 miljun flimkien ma’ James Rodriguez. Sakemm għalaq is-suq tat-trasferimenti fl-Ingilterra l-Ħamis li għadda, Pogba baqa’ plejer ta’ Manchester United, iżda s-suq tat-trasferimenti madwar l-Ewropa jibqa’ miftuħ sat-2 ta’ Settembru.

Il-Franċiż qal li hu dejjem iħossu tajjeb meta jilgħab il-futbol. “Qed nagħmel dak li nħobb, dak xogħli. Se nagħti l-massimu tiegħu kull darba li se nkun fil-pitch. Issa nafu li ntqalu xi affarijiet. Iż-żmien jagħti parir. Nibqgħu fuq il-mistoqsija l-kbira.” Hu żied li qiegħed Manchester u qed jieħu gost ma’ sħabu. Pogba kompla li jrid dejjem jirbaħ il-logħba u se jibqa’ jagħti kollox meta jkun qed jilgħab.