Sport Waterpolo

Rebħa storika għal Malta fi Grupp A tal-fażi finali tal-Kampjonat Ewropew ta’ taħt is-17-il sena

MALTA……………………………… 12 TURKIJA………………………………… 8

(5-3), (4-3), (1-2), (2-0)

It-tim nazzjonali Malti kiseb rebħa storika fil-fażi finali tal-Kampjonat Ewropew meta għeleb lit-Turkija 12-8 fit-tieni logħba ta’ Grupp A. Dan ir-riżultat ifisser li jekk kif mistenni t-Turkija ma tirbaħx kontra l-Italja, Malta tikklassifika tal-anqas fit-12-il post u jekk jasal riżultat aħjar ikun wieħed storiku. Lura fl-2004, Malta kienet klassifikat fit-12-il post fil-Kampjonat Ewropew ta’ taħt id-19-il sena li kien sar f’pajjiżna meta dakinhar kienu waslu rebħiet s-Slovenja u l-Polonja.

Protagonist għat-tim Malti kien is-solitu Jake Muscat li skorja sitt gowls, b’Jake Bonavia jsib ix-xibka tliet darbiet. Il-gowls l-oħra waslu minn Mark Carani, Lucas Falzon u Gianni Farrugia. Tul il-logħba t-tim Malti qatt ma kien minn taħt u għaraf iżomm il-vantaġġ hekk kif it-Torok l-aktar li waslu viċin kien b’distakk ta’ żewġ gowls. Il-gowlkiper Marco Rossi lagħab flok il-gowlkiper regolari Miguel Vassallo.

Lucas Falzon poġġa lit-tim Malti minn fuq wara minuta u nofs u Jake Bonavia rdoppja minn kontrattakk. Berk Aksoy naqqas id-distakk iżda ż-żgħażagħ fetħu vantaġġ ta’ 4-1 b’penalty ta’ Jake Muscat u Mark Carani. Aksoy reġa’ skorja għat-Turkija minn penalty u wara li Muscat skorja minn penalty ieħor, Doruk Ozar għamel l-iskor 5-3 bl-aħħar xutt tas-sessjoni.

It-tim Malti kiseb il-vantaġġ neċessarju biex seta’ jikkontrolla l-logħba aħjar b’doppjetta ta’ Jake Muscat minn man-up u xutt minn ħames metri fl-ewwel minuta tat-tieni sessjoni. It-Turkija naqqset id-distakk bin-nofs iżda reġa’ kien Muscat li skorja żewġ gowls oħra f’anqas minn minuta u għamel l-iskor 9-5 sa nofs it-tieni sessjoni.

It-Turkija wettqet reazzjoni u wara li skorjat lejn tmiem it-tieni sessjoni, kienet 10-8 minn taħt sal-ewwel parti tat-tielet sessjoni. Huma fallew żewġ okkażjonijiet ta’ man-up filwaqt li l-gowlkiper Marco Rossi salva tentattivi ta’ Mehmet Yutmaz u Tuluhan Kosova.

Fl-aħħar sessjoni kien kontrattakk b’suċċess ta’ Jake Bonavia li għamel l-iskor 11-8 u witta t-triq għar-rebħa Maltija. It-tim ta’ Karl Izzo kien sod fid-difiża u ċaħħad lill-avversarji milli jkunu perikolużi għal-lasta ta’ Rossi. Gianni Farrugia ssiġilla r-rebħa meta kkonkluda mill-viċin f’azzjoni ta’ man-up.

It-tim Malti jilgħab l-aħħar logħba tal-grupp għada fis-6.30pm kontra r-Russja. Wara din il-logħba jintlagħbu l-logħbiet ta’ klassifikazzjoni fejn jekk it-tim Malti jtemm fit-tielet post, ikun diġà assigurat mit-12-il post.

Malta: M. Vassallo, J. Farrugia, N. Schiavone, G. Melillo, M. Carani (1), B. Cachia, L. Falzon (1), S. Busuttil, G. Farrugia (1), J. Bonavia (3), M. Chircop, J. Muscat (6), M. Rossi

Turkija: M. Ipek, B. Aksoy (2), H. Mogultay, T. Temel, D. Demirel, E. Koyuncu, B. Olcay, H. Ketenci (1), A. Kaner (1), M. Yutmaz (1), D. Ozar (2), T. Kosova (1), M. Meral

Referees: Gernot Haentschel (Ġermanja), Alban David (Franza)