Lokali Qorti Qtil Politiku

Talba biex jiġu ppreżentati t-telefonati interċettati

Jisħqu li għandhom jiġu ppreżentati fi żmien 24 siegħa

F’protest ġudizzjarju ppreżentat minn George u Alfred Degiorgio, tnejn mit-tliet akkużati bil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia fl-2017, huma talbu lill-Avukat Ġenerali u lill-Kummissarju tal-Pulizija biex fil-Qorti jippreżentaw it-telefonati interċettati, li jisħqu li għandhom fil-pussess tagħhom. Jekk dawn jeżistu, jixtiequ jkunu jafu jekk dawn inkisbux legalment b’mandat ministerjali.

L-aħwa Degiorgio qalu li dan in-nuqqas ta’ preżentazzjoni tal-evidenza min-naħa tal-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju, li kienu kruċjali għall-arresti tagħhom, huwa abbużiv, suspettuż u illegali.

Fost it-telefonati msemmija mill-prosekuzzjoni kien hemm it-talba biex jiġi ttopjat it-telefon ċellulari li biha allegatament ġiet attivata l-bomba u oħrajn fejn George Degiorgio allegatament instema’ jgħid li qabad “żewġ ħutiet kbar” u li talab lit-tfajla tixtrilu flixkun inbid biex jiċċelebra.

L-avukat tal-aħwa Degiorgio, William Cuschieri, saħaq li x-xhieda ħolqot ħafna sensazzjonaliżmu fil-midja bil-konsegwenza li ġiet ippreġudikata l-innoċenza tagħhom. Dan fid-dawl li lanqas il-Kap tas-Servizzi Sigrieti għadu ma tela’ jixhed dwar l-awtentiċità tat-telefonati.

Għalhekk, l-aħwa Degiorgio talbu lill-Kap tas-Servizzi Sigriet biex jippreżenta kopji tar-recordings u t-traskirzzjonijiet, flimkien mal-mandati in kwistjoni, fi żmien 24 siegħa.

Jekk jonqsu milli jagħmlu dan, l-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija ma jkollhom ebda triq għajr jiddikkjaraw li l-provi msemmija huma nieqsa u fi żmien 48 siegħa, jagħmlu tajjeb għas-“sensazzjonaliżmu bla bażi” li ħolqu għad-detriment tal-akkużati.