Waqt li qed javviċina d-deadline tal-31 ta’ Ottubru biex ir-Renju Unit jispiċċa minn membru tal-Unjoni Ewropea, il-professjonisti fil-qasam tas-saħħa qegħdin iwissu li n-nuqqasijiet ta’ ċerti mediċini kapaċi jsiru aktar gravi f’sitwazzjoni fejn il-Brexit jiġi konkluż mingħajr ftehim bejn il-Gvern ta’ Londra u l-pajjiżi tal-Unjoni.
Attivisti qrib l-industrija tal-ikel u x-xorb fir-Renju Unit, il-ġimgħa l-oħra, kienu wissew li l-pajjiż anki kapaċi jbati nuqqas ta’ ‘ikel frisk’ f’każ ta’ ‘no-deal Brexit’ kaotiku. U issa, il-kumpaniji farmaċewtiċi qegħdin jesprimu tħassib simili rigward il-mediċini, b’uħud anki jirriservaw spazju fl-ajruplani għat-trasport tal-provvisti għal sitwazzjonijiet potenzjali.
Madankollu, l-impatt tan-‘no-deal Brexit’ għall-provvisti mediċi għandu jinħass anki ‘il hinn mir-Renju Unit. Dan għaliex mal-45 miljun pakkett tal-mediċini qegħdin jitwasslu, kull xahar (bil-baħar) mir-Renju Unit għall-pajjiżi l-oħra tal-Unjoni Ewropea. Il-kummerċ speċifiku, fl-2016, kien jammonta għal kważi 12-il biljun Sterlina.
Intant, l-esperti qed jgħidu li xi forma ta’ taqlib hi ‘inevitabbli’ f’każ li r-Renju Unit joħroġ mill-UE mingħajr ftehim. Dan meta l-Prim Ministru Britanniku, Boris Johnson, qal li, fil-31 ta’ Ottubru, għandu jikkonkludi l-proċess tan-‘no-deal Brexit’ f’ċirkustanzi fejn l-UE tirrifjuta li tinnegozja ftehim ġdid dwar ‘id-divorzju’ bejn ir-Renju Unit u l-Istati Ewropej.
Ir-regolaturi u r-rappreżentanti tal-industrija tal-mediċina qalu li ż-żieda fil-kontrolli doganali fil-portijiet u l-fruntieri oħrajn bejn ir-Renju Unit u l-UE ukoll kapaċi tħarbat il-moviment tal-provvisti tal-mediċina u l-elementi kimiċi meħtieġa biex jipproduċuhom.
//= $special ?>