Futbol Sport

Wesley Sneijder itemm il-karriera professjonali wara 17-il sena

Wesley Sneijder ħabbar li rtira minn plejer fl-età ta’ 35 sena. L-aħħar klabb li lagħab miegħu kien Al-Gharafa tal-Qatar wara kuntratt ta’ sena u nofs. Għalkemm irtira minn plejer, Sneijder se jibqa’ fil-futbol hekk kif daħal fid-diriġenza tal-klabb Olandiż Utrecht, il-belt li trabba fiha.

Sneijder beda l-karriera ma’ Ajax fl-2002 u ħames snin wara ngħaqad ma’ Real Madrid fejn magħhom rebaħ il-kampjonat. Sentejn wara hu ngħaqad ma’ Inter, il-klabb li miegħu kellu l-aktar suċċess. Hu kien wieħed mill-plejers importanti fit-tim li rebaħ is-Serie A, il-Coppa Italia u l-UEFA Champions League fl-istaġun 2009/10.

Ftit ġimgħat wara, hu reġa’ kien importanti biex għen lit-tim Olandiż jasal sal-finali tat-Tazza tad-Dinja u rebaħ il-Ballun tal-Fidda bħala t-tieni l-aqwa plejer ta’ dik l-edizzjoni. L-esklużjoni tiegħu mit-tliet plejers finalisti għar-rebħ tal-Ballun tad-Deheb kienet qajmet ftit kontroversja.

Ma’ Inter rebaħ ukoll Coppa Italia u Supercoppa Italiana, qabel Sneijder ingħaqad ma’ Galatasaray fejn magħhom dam ħames snin. Fit-Turkija hu rebaħ darbtejn il-kampjonat u tliet darbiet it-Tazza Torka. Wara esperjenza qasira ta’ ħames logħbiet ma’ Nice fi Franza, Sneijder temm il-karriera ma’ Al-Gharafa u hemm rebaħ ukoll unur.

Mat-tim nazzjonali Olandiż, Sneijder sar l-aktar plejer li lagħab għal pajjiżu b’total ta’ 134 logħba bejn l-2003 u l-2018. Sneijder sar l-aħħar plejer minn sensiela tal-ġenerazzjoni tiegħu li rtiraw. Robin van Persie rtira fi tmiem l-istaġun li għadda filwaqt li wara li ħalla lil Bayern Munich, Arjen Robben ħabbar ukoll li rtira.